Lokali

L-MFSA toħroġ stqarrija biex tgħid li ma tista’ tgħid xejn

Iċ-Chairman tal-MFSA Joe Bannister

L-Awtorità Maltija tas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) ippubblikat stqarrija li fiha qalet li ma tista’ tgħid u tagħmel xejn.

Hi kienet qed tirreġaixxi għal ittra miftuħa li l-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa bagħat lill-MFSA li fiha talab liċ-Chairman Joe Bannister biex jirtira l-liċenzja ta’ Pilatus Bank.

Filwaqt li qalet li qed tinnota kull rapport u allegazzjoni li qed isiru, l-MFSA qalet li hi tista’ taġixxi biss skont il-liġi. “Jekk tagħmel mod ieħor, l-MFSA tkun qed tikkomprometti l-integrità u l-indipendenza tagħha,” qalet l-MFSA fl-istqarrija.

L-Erbgħa li għadda, l-MEP David Casa talab lill-MFSA biex tirtira l-liċenzja ta’ Pilatus Bank. Fl-ittra tiegħu hu kien appella biex iċ-Chairman tal-MFSA Joe Bannister ma jibqax jippersisti bin-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tiegħu.

Madanakollu, L-MFSA ma ħadet l-ebda azzjoni dwar Pilatus Bank u dan kien wassal biex fl-aħħar jiem, l-MEP David Casa talab lill-Bord ta’ Superviżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew biex jintervjeni f’dan il-każ, hekk kif rapporti tal-FIAU juru li l-klijenti ta’ Pilatus Bank – kważi kollha – huma persuni politiċi mill-Ażerbajġan.

L-istess rapporti jikkonkludu wkoll li hemm biżżejjed għal investigazzjoni dwar ħasil ta’ flu ta’ commissions mill-bejgħ tal-passaporti liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri. Dan apparti każijiet oħra żvelati mill-media u li jixħtu sħaba sewda fuq l-operat ta’ Pilatus Bank f’Malta.

Sadanittant, fin-nuqqas ta’ azzjoni mill-MFSA, il-Bank Ċentrali Ewropew qed jintalab jintervjeni hu biex tiġi revokata l-liċenzja ta’ Pilatus Bank.

L-istqarrija xotta tal-MFSA