Lokali

Malta għandha tikkopja l-aqwa prattiċi għall-anzjani u l-pensjonanti – Maria Deguara

Malta għandha tikkopja l-best practises ta’ pajjiżi oħra f’dak li għandu x’jaqsam mat-trattament tal-pensjonanti. Qalet dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Anzjani u l-Persuni b’Diżabilità Maria Deguara f’konferenza li ddiskutiet l-anzjani u s-sigurtà tagħhom.

Fost oħrajn, id-Deputat Deguara tkellmet dwar il-problema tal-pensjonijiet, u kif din ħafna drabi ma tkunx adekwata – fosthom meta nisa tad-dar ikunu ħadmu ħajjithom kollha iżda meta jaslu għall-età tal-pensjoni, jispiċċaw darhom mal-ħajt.

Waqt li tkellmet dwar l-importanza li ż-żgħażagħ jibdew minn issa jaħsbu għall-futur billi jinvestu fi skemi ta’ rtirar, semmiet ukoll l-importanza li s-sistema ta’ għajnuna soċjali u pensjoni jkunu aġġornati minn żmien għal żmien biex dejjem ikunu jistgħu jsarrfu f’ħajja dinjituża għall-anzjani.

Maria Deguara tkellmet dwar numru ta’ problemi oħra li jiffaċċjaw l-anzjani, fosthom l-akkommodazzjoni. Apparti kirjiet dejjem jgħolew, hemm min jibqa’ jgħix f’daru imma mingħajr flus biex jirranġa fejn ikun hemm periklu. Innutat ukoll li nke fl-għoti tas-servizz tas-saħħa hemm mediċini li jridu jinxtraw mill-anzjani.

Id-Deputat Maria Deguara qalet li għaldaqstant pajjiżna għandu jħares lejn il-best practices ta’ pajjiżi oħra u jikkopjahom f’qafas sostenibbli, u dan kollu bl-iskop li wara l-età tal-pensjoni, l-anzjani jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu komdu u bi kwalità ta’ ħajja tajba u dinjituża.

Il-konferenza kienet organizzata mill-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa b’kollaborazzjoni mas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-anzjanità attiva.