Ikompli joħorġu aktar fatti dwar ir-rivalita’ li hemm dejjem tikber bejn il-Ministru Ian Borg u l-konsulent Legali tal-Prim Ministru Robert Abela.
Dan hekk kif il-gazzetta il-mument il-Ħadd żvelat kif it-tnejn li huma għandhom aspirazzjonijiet għall-futur immedjat tagħhom; dak li jieħdu post Joseph Muscat bħala l-Kap tal-Partit Laburista u eventwalment Prim Ministru.
Waqt li fl-aħħar jiem ħarġu iżjed rivelazzjonijiet tal-eluf ta’ ewro f’fondi pubbliċi li qed jakkwista Robert Abela minn konsulenzi differenti bil-barka ta’ Joseph Muscat, wara li kienet pubblikata l-istorja, persuni qrib ħafna ta’ Ian Borg qalulna mhux ta’ b’xejn Robert Abela għazel li ma jkunx Segretarju Parlamentari, dan biex waqt li jkun qrib il-Prim Ministru, ikun jista’ jdaħħal l-eluf ta’ ewro minn konsulenzi tal-Gvern. Fil-fatt fi stejjer kontinwi li qed joħorġu, ħareġ li Robert Abela ħa aktar minn €580,000 f’konsulenzi mill-Gvern.
Persuni qrib il-Partit Laburista li tkellmu magħna fissru kif il-qiegħa bejn iż-żewġ kandidati prospettivi diġà qed tbaqbaq sew bin-nies madwar Ian Borg jiftaħru li huma għandhom “Super Minister” pjuttost żagħżugħ, u dan qed jattribwixxuh lil Joseph Muscat li skont is-sostenituri ta’ Ian Borg, il-Prim Ministru tant għandu fiduċja fih li fdalu dekasteru daqstant kbir responsabbli mill-proġetti kapitali u l-infrastruttura.
Min-naħa l-oħra n-nies madwar l-Avukat Robert Abela qed jargumentaw lid-Deputat tagħhom igawdi fiduċja akbar għaliex il-Prim Ministru ħatru Konsulent Legali tiegħu f’Kastilja. Barra minhekk, f’bar f’Ħal Qormi magħruf li fih ipoġġu kanvassers ta’ Robert Abela ta’ sikwit qed jingħad li Ian Borg qed jara liema huma dawk il-Ministri li se jkunu qegħdin jappoġġawh biex b’hekk ikun jista’ jibda jagħti t-tarmak lit-toroq fid-distretti tagħhom.
Minkejja dak żvelat il-Ħadd dwar ir-rivalita’ bejn Robert Abela u Ian Borg, il-Prim Ministru ma’ ħareġ l-ebda reazzjoni, la fl-attivita’ li kellu l-Ħadd filgħodu u lanqas ġurnata wara dak żvelat.
Persuni qrib tal-Partit Laburista qalulna li din is-sitwazzjoni mistennija li fi żmien qasir tibda toħroġ ukoll fil-beraħ l-alleanzi ġodda li diġà bdew jiżviluppaw fil-Partit Laburista inkluż anki bl-involviment ta’ politiċi oħra ewlenin li huma interessati fit-tmexxija tal-Partit Laburista bħalma huma l-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli u d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne.
//= $special ?>

