Futbol Sport

Milan ikeċċu lil Montella

Montella

Kif kien mistenni, Milan ħabbru li keċċew lill-kowċ Vincenzo Montella u minfloku ħatru lill-kowċ tal-Primavera, l-eksplejer Gennaro Gattuso.

Din l-aħbar waslet jum wara li, f’San Siro Milan ġew miżmuma fi draw ta’ 0-0 kontra Torino. It-tim ta’ Montella ma għarafx jibni fuq il-wirja li kellu jiem qabel kontra Vienna fl-Europa League u għar-raba’ darba konsekuttiva, ma sabx ix-xibka f’San Siro.

L-aħħar darba li Milan skurjaw f’San Siro kien f’Settembru li għadda.

Montella kien ilu jmexxi lil Milan sa minn Ġunju tal-2016 u dan l-istaġun ir-Rossoneri ddiżappuntaw bil-kbir fil-kampjonat. Wara 14-il logħba huma ġabu biss 20 punt u qegħdin fis-seba’ post, dan minkejja l-ammont kbir ta’ plejers li ġew akkwistati matul is-sajf li għadda.

Gattuso se jagħmel id-debutt tiegħu nhar il-Ħadd li ġej meta Milan jilagħbu barra minn darhom kontra Benevento.