Minkejja li Robert Mugabe għadu kemm irriżenja mill-Presidenza taż-Żimbabwe, żdiedu l-indikazzjonijiet li hu se jkompli jaqdi rwol fil-politika nazzjonali.
Dan qalu Fidelis Mukonori, il-qassis Ġiżwita li għen innegozja r-riżenja ta’ Mugabe wara jiem ta’ tensjoni u inċertezza f’dan il-pajjiż Afrikan. Fil-fatt, il-qassis qed jgħid li Robert Mugabe se jipprovdi ‘il-pariri’ bħala Statista veteran u li dawn il-pariri kapaċi jingħataw ukoll lill-President ġdid taż-Żimbabwe, Emmerson Mnangagwa.
Kien proprju nhar il-Ġimgħa li Mnangagwa ħa l-ġurament bħala l-President suċċessur ta’ Mugabe, li kien irriżenja wara intervent tal-militar fiż-Żimbabwe u jiem sħaħ ta’ protesti tal-massa f’pajjiżu.
Il-qassis, Fidelis Mukonori, li hu qrib ħafna ta’ Mugabe, serva bħala medjatur bejn l-eks-President ta’ 93 sena u l-militar waqt il-kriżi. Hu, issa, qed itenni li Mnangagwa – għal żmien twil alleat ta’ Mugabe u li t-tkeċċija tiegħu minn Viċi-President taż-Żimbabwe kienet xprunat il-kriżi ta’ jiem ilu – ‘jibqa’ dispost biex jieħu pariri siewja (mingħand Mugabe)’.
Sadanittant, iż-Żimbabwe ddikjarat uffiċjalment il-21 ta’ Frar bħala ‘il-Jum ta’ Robert Gabriel Mugabe għaż-Żgħażagħ Nazzjonali’; b’dan ifisser li l-ġurnata ta’ għeluq snin l-eks-President se tkun imfakkra bħala vaganza pubblika.
Fl-istess ħin, il-President Mnangagwa mistenni jifforma Kabinett din il-ġimgħa u wieħed irid jara jekk hu għandux, fost oħrajn, iżomm il-personalitajiet mill-era ta’ Mugabe.
//= $special ?>

