Jum wara r-rebħa ta’ Inter kontra Cagliari, Napoli reġgħu telgħu fl-ewwel post tas-Serie A wara li kisbu rebħa minima ta’ 1-0 barra minn darhom kontra Udinese biex issa qegħdin żewġ punti fuq Inter.
Għal Udinese din kienet l-ewwel logħba tagħhom taħt it-tmexxija tal-kowċ il-ġdid Massimo Oddo.
L-uniku gowl tal-logħba wasal fit-33 minuta meta Maggio twaqqa’ minn Angella fil-kaxxa. Mill-11-il metru JORGINHO ra x-xutt tiegħu l-ewwel ikun salvat mill-gowlkiper Scuffet imma mir-rebound ma żbaljax biex ta t-tliet punti lit-tim tiegħu.
Filgħaxija Juventus rebħu faċilment 3-0 kontra Crotone biex baqgħu żewġ punti taħt Inter.
Fl-ewwel taqsima Crotone ddefendew tajjeb imma fit-52 minuta ċedew meta Barzagli tefa’ cross li sab lil MANDZUKIC li bir-ras fetaħ l-iskor favur iċ-champions. Għal Mandzukic dan kien it-tielet gowl dan l-istaġun.
Mas-siegħa logħob wasal gowl ieħor. Tliet minuti wara li daħal bħala sostitut, DE SCIGLIO żied mal-iskor b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa minn azzjoni ta’ corner, xutt li ma ta l-ebda ċans lil Cordaz isalva. Għal De Sciglio dan kien l-ewwel gowl bil-flokk ta’ Juventus.
Fil-71 minuta wasal gowl ieħor ta’ Juventus hekk kif Cordaz l-ewwel salva xutt ta’ Pjanic imma mir-rebound BENATIS ma falliex.
B’dan il-gowl Juventus skurjaw fi 43 logħba konsekuttiva fil-kampjonat u laħqu rekord tagħhom stess, rekord li kienu waqqfu bejn Frar tal-2013 u Marzu tal-2014.
F’San Siro Milan ġew miżmuma fi draw ta’ 0-0 kontra Torino. It-tim ta’ Montella ma għarafx jibni fuq il-wirja li kellu jiem qabel kontra Vienna fl-Europa League.
Għal Milan dan kien ir-raba’ draw konsekuttiv f’darhom. Matul il-partita ż-żewġ gowlkipers għamlu saves mill-aqwa. Ta’ min jinnota li fi tmiem il-logħba l-attakkant ta’ Torino Andrea Belotti irregala l-flokk tiegħu lit-tifel tad-difensur ta’ Milan Leonardo Bonucci, Lorenzo, li hu partitarju ta’ Milan.
Roma ġew miżmuma draw 1-1 barra minn darhom kontra Genoa. Il-Giallorossi kienu qed ifittxu li jiksbu t-13-il rebħa konsekuttiva barra minn darhom fil-kampjonat imma bi plejer inqas sabuha diffiċli jagħmlu dan.
Minn naħa tagħhom Genoa qed ikomplu bir-ritmu pożittiv wara li ħatru lil Ballardini bħala kowċ.
Roma kellhom jistennew sas-siegħa logħob biex fetħu l-iskor. Florenzi tefa’ cross li sab lil EL SHAARAWY li skurja b’xutt fir-rokna.
Roma dehru fil-kontroll tal-logħba imma 10 minuti wara tkeċċa De Rossi hekk kif il-VAR uriet li dan ta daqqa f’wiċċ Lapadula f’azzjoni ta’ corner.
Ir-referee l-ewwel ikkonsulta mal-VAR qabel ma ordna l-penalty li kien skurjat minn LAPADULA nnifsu għal skor finali ta’ 1-1.
It-tim l-ieħor minn Ruma, dak ta’ Lazio wkoll ġie draw 1-1 kontra Fiorentina. Kien DE VRIJ li fetaħ l-iskor fil-25 minuta u proprju fid-90 minuta BABACAR ġab id-draw għal Viola.
Riżultati
Bologna v Sampdoria 3-0
Chievo v SPAL 2-1
Sassuolo v Verona 0-2
Cagliari v Inter 1-3
Genoa v Roma 1-1
Milan v Torino 0-0
Udinese v Napoli 0-1
Lazio v Fiorentina 1-1
Juventus v Crotone 3-0