Lokali

#StopStigma: Kampanja Nazzjonali ta’ għarfien dwar is-Saħħa Mentali

Il-problemi ta’ saħħa mentali u l-mard mentali jistgħu jfiġġu fi kwalunkwe età u jeffettwaw lil kulħadd, irrispettivament mill-ġeneru, razza, kulur jew status soċjali

In-nuqqas ta’ għarfien dwar is-saħħa mentali ħafna drabi jwassal għall-ispekulazzjonijiet u t-twemmin żbaljat li għandu ħabta jinstiga aktar stigma. Għal dan il-għan, id-Dipartiment tas-Saħħa Mentali, flimkien mal-Uffiċju tal-Kummissarju dwar is-Saħħa Mentali u l-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa fl-Università ta’ Malta nedew kampanja nazzjonali ta’ għarfien dwar is-saħħa mentali #StopStigma.

Il-ħsieb wara din il-kampanja oriġina minn proġett tal-istudenti universitarji bħala parti mill-kors ta’ Baċellerat tal-Mental Health Nursing, fejn flimkien mal-għalliema tagħhom ħadmu fuq numru ta’ posters bil-għan li jkabbru l-għarfien tal-poplu dwar il-problemi ta’ saħħa mentali. Il-kampanija saret possibli grazzi għall-ħidma ta’ numru ta’ infermiera li jispeċjalizzaw fis-saħħa mentali u fil-preżent jaħdmu f’dan il-qasam.

Il-kampanja hija bbażata fuq tliet prinċipji, li tikser is-silenzju; ir-rispett lejn il-persuna u mhux il-kundizzjoni; u li dawk affetwati huma kapaċi jaħdmu.

Fit-tnedija tal-kampanja nazzjonali #StopStigma, li għaliha kienu preżenti d-Deputat Claudette Buttigieg u l-mara tal-Kap tal-Oppożizzjoni Nickie Vella de Fremeaux, ingħad li filwaqt li l-informazzjoni normalment tieqaf sal-livell li tagħti stampa negattiva, huwa nkoraġġanti illi teżisti għażla wiesgħa ta’ trattamenti li jindirizzaw is-sintomi tal-mard mentali u b’hekk jagħtu l-possibilità lil min ikun qed ibati li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tiegħu. Dan minkejja l-problemi li jkun qed iħabbat wiċċu magħhom.