Lokali

FILMAT: L-ewwel sistema ta’ oqbra mal-ħajt f’Malta

Sistema ġdida fiċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija għandha l-għan li żżid l-ammont ta’ oqbra fi spazju li diġa hu limitat. Fin-nofs ta’ żewġ karreġġjati li fihom it-traffiku ma jaqta’ xejn, fiċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija hemm taħlita ta’ oqbra privati u oqbra tal-Knisja. Fl-oqbra tal-Knisja jindifnu dawk li jmutu bla qabar privat.

Iżda kull ma jmur, l-ispazju qed jonqos, u kien Joseph Mangion, li jieħu ħsieb dan iċ-ċimiterju, li ħareġ bl-idea tal-oqbra mal-ħajt. “Ġibna l-permessi min-naħa tal-MEPA, ġibna l-permessi min-naħa tas-sanità u llum għandna dawn il-kompartamenti li qed naraw warajna,” spjegalna Joseph. “B’din is-sistema ħa nkunu nistgħu nneħħu l-katavri minn ġol-oqbra tal-Knisja u nippustjawhom f’dawn il-kompartamenti mal-ħajt,” żied jgħid.

F’kull kompartament joqgħodu tmien kaxxi tal-istainless steel, magħmula apposta għal dan il-proġett. Il-qafas tal-kompartamenti huwa kollu magħmul mill-irħam. Fil-kaxxi jitpoġġew il-fdalijiet tal-mejjet, biex b’hekk, jitbattlu oqbra oħra taħt l-art. “Kull persuna, kbira kemm tkun kbira, wara sentejn il-ġisem jispiċċa u jkun jifdal biss l-għadam. L-għadam jinġabar f’kaxxa tal-istainsless steel u kbir kemm tkun kbir xorta ġo kaxxa bħal dik tkun trid toqgħod,” żied jgħid.

Fiċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija hemm mal-170 qabar, li 40 minnhom huma tal-Knisja, u xogħol Joseph Mangion għal dawn l-aħħar sentejn kien li jieħu ħsieb dan iċ-ċimiterju. Grazzi għall-idea u l-inizjattiva tiegħu li joħloq din is-sistema ta’ oqbra mal-ħajt, aktar nies minn Ħal Lija jistgħu jistrieħu għall-ħajja ta’ dejjem fiċ-ċimiterju tar-raħal minflok fiċ-ċimiterju l-kbir tal-Addolorata… waqt li jgħidilna kif miċ-ċimiterju, Joseph ma jbeżżgħu xejn.

“Ma nibżax. Imma jiena naħseb, iktar minn ħaddieħor, inħoss dik l-idea li xi darba rridu mmutu. Forsi minn ikun hemm barra ma jagħtix każ dik l-atmosfera imma jien dik l-atmosfera tqum u torqod miegħi,” qalilna. “Jien sodisfatt li bħal meta kont fil-Kunsill, għamilt ħafna xogħol ġo Ħal Lija, issa, wara sentejn li spiċċajt ġoċ-ċimiterju, nista’ ngħid li għamilt xi ħaġa li biha jista’ jinqeda ħaddieħor,” temm jgħidilna Joseph.

Iċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija nfetaħ lejn l-aħħar tas-seklu 19 u oriġinarjament kellu jservi bħala ċimiterju għall-pesta. Madanakollu dan qatt ma seħħ, u sal-lum iservi bħala ċimiterju normali. Fost oħrajn fih hemm midfunin l-eks Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista Sir Ugo Mifsud u l-mara tal-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami, il-mibkija Mary Fenech Adami.

Ritratt: Matthew Tabone
B’kollox se jkun hemm madwar 50 kompartament, li kull wieħed jesa’ tmien kaxxi bil-fdalijiet tal-mejjet