Tissaħħaħ il-qasma bejn il-fazzjonijiet fi ħdan il-Partit Laburista li jappoġġjaw lid-Deputati Robert Abela u Ian Borg rispettivament għal mexxej Laburista.
Filwaqt li quddiem il-kameras ta’ NET News Robert Abela iddejjaq isemmi lil Ian Borg u s-suppost relazzjoni tajba li għandu miegħu, fuq Facebook, Abela beda tentattiv biex jipprova jagħti l-impressjoni li m’hemm l-ebda tensjoni u diżgwid bejnu u Ian Borg, tant li fuq Facebook tella’ ritratt antik tiegħu jippoża ma’ Ian Borg.
Madanakollu, meta ffaċċjat minn NET News barra l-Parlament, Robert Abela deher skomdu meta mistoqsi dwar Ian Borg. “Qed tistaqsini ħafna domandi ipoteċi. Ma nistax inwieġbek għal domanda li hija ipotetika,” qalilna Robert Abela.
Meta staqsejnih dwar jekk jikkonfermax li se jkun qed jitfa’ ismu għat-tellieqa ta’ mexxej Laburista, Abela wieġeb li bħalissa m’hemmx ‘vacancy’ għal din il-kariga. Imma kkonferma wkoll li meta jasal iż-żmien, se jkun qed jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu. “Meta u jekk ikun hemm (tellieqa għal mexxej Laburista) nikkunsidra l-pożizzjoni tiegħi dakinhar,” qalilna Robert Abela fil-kummenti tiegħu.
Fl-aħħar ġimgħat u xhur ġew żvelati diversi stejjer dwar eluf ta’ ewro li d-Deputat Laburista Robert Abela daħħal minn servizzi u konsulenzi lil diversi entitajiet, awtoritajiet u Ministeri tal-Gvern. Dwar dan, persuni fil-fazzjoni ta’ Ian Borg qalu lil NET News li meta wieħed jara l-eluf kbar li daħħal Robert Abela minn dawn il-konsulenzi, mill-ewwel jinduna għaliex kien irrifjuta pożizzjoni bħala Segretarju Parlamentari fil-Kabinet ta’ Joseph Muscat.
L-istess persuni qrib Ian Borg qalulna li b’hekk, Abela mhux biss jitħallas l-eluf għall-konsulenzi lill-Gvern, iżda jkun jista’ jibqa’ viċin ħafna tal-Prim Ministru, bħala konsulent ta’ Muscat.
//= $special ?>