L-awtoritajiet tas-saħħa ħarġu twissija dwar il-kesħa li mistennija tolqot lill-gżejjer Maltin fil-jiem li ġejjin, bl-istess awtoritajiet joħorġu numru ta’ suġġerimenti dwar x’jista’ jagħmel il-pubbliku biex ma jintlaqatx mill-kesħa.
Dan hekk kif sa nhar il-Ħadd li ġej, il-gżejjer Maltin se jkunu qed jesperjenzaw temperaturi baxxi, partikolarment matul il-lejl. L-Uffiċju Meterjoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed ibassar li nhar il-Ħadd li ġej, it-temperatura tinżel fil-livell ta’ 10 gradi celcius.
Id-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa qal li l-aktar li għandhom joqgħodu attenti fil-kesħa huma persuni kbar fl-età, tfal żgħar ħafna u dawk li jsofru minn xi tip ta’ kundizzjoni ta’ saħħa fit-tul. Fost oħrajn, dawn il-gruppi ta’ persuni għandhom jaraw li jibqgħu f’areas sħan, jieklu u jixorbu affarijiet sħan, u jevitaw alkoħol u tabakk (li jżidu l-possibiltà ta’ konsegwenzi minħabba l-kesħa). L-awtoritajiet issuġerew ukoll biex jinżamm kuntatt aktar frekwenti mal-anzjani li jgħixu weħidhom.
Saru wkoll numru ta’ suġġerimenti lill-pubbliku b’mod ġenerali, fosthom biex jingħalqu l-purtieri ma’ nżul ix-xemx biex is-sħana tibqa’ ġewwa u jżomm il-kmamar tas-sodda b’temperaturi ta’ 18-il grad celcius. Id-Direttorat issuġerixxa wkoll li jintlibsu diversi saffi rqaq ta’ lbies u li tittiekel tal-anqas ikla sħuna kuljum u jinxtorbu diversi xarbiet sħan matul il-ġurnata kollha.
L-awtoritajiet tas-saħħa wissew ukoll li fil-kesħa, l-infuwenza u l-irjiħat isiru aktar komuni u għaldaqstant min diġa ma jiflaħx, idealment jibqa’ ġewwa filwaqt li min jiflaħ, jassigura li jaħsel idejh ta’ spiss u jgħatti ħalqu meta jisgħol. Id-Direttorat fakkar ukoll li l-pubbliku għadu fiċ-ċans li jieħu t-tilqima tal-influwenza b’xejn miċ-ċentri tas-saħħa kollha.
//= $special ?>