Il-Federazzjoni tal-futbol fir-Russja talbet lill-UEFA biex torganizza l-ewwel partita tal-Euro 2020, turnament li se jkun organizzat minn total ta’ 13-il pajjiż.
Il-Kampjonat Ewropew tal-2020 se jkun l-ewwel turnament li se jkun organizzat minn diversi pajjiżi minflok wieħed biss u r-Russi, wara li rebħu d-dritt li jorganizzaw it-Tazza tad-Dinja ta’ sena oħra issa jridu li jorganizzaw anke logħba mill-Kampjonat Ewropew.
Ir-Russi qed jipproponu li l-ewwel logħba ta’ dan it-turnament prestiġjuż tintlagħab fil-Krestovsky Stadium li jinsab fil-belt ta’ St Petersburg.
Din is-sena dan il-grawnd ospita l-ewwel logħba u l-finali tat-Tazza tal-Konfederazzjonijiet u sena oħra se jkun qed jospita seba’ partiti tat-Tazza tad-Dinja. B’kollox jesa’ 68 elf partitarju.
Bliet oħra li qed jittamaw li jorganizzaw l-ewwel logħba tal-Euro 2020 huma Amsterdam, Brussell, Glasgow u Ruma. Ta’ min jinnota li Brussell tista’ titlef id-dritt li torganizza xi logħba minn dan it-turnament minħabba dewmien fil-kostruzzjoni tal-grawnd.
Blit oħra li se jkunu qed jospitaw partiti mill-fażi tal-gruppi huma Baku, Bilbao, Bucharest, Budapest, Copenhagen, Dublin, Londra u Munich.
Id-deċiżjoni finali dwar min se jkun qed jorganizza l-ewwel logħba tal-Euro 2020 se tittieħed nhar is-7 ta’ Diċembru.
Ta’ min jiftakar li fl-Euro 2020 se jieħdu sehem 24 tim u mhux 16.
//= $special ?>