Filwaqt li d-dinja qed titkellem dwar iż-żwieġ imminenti tal-Prinċep Harry tal-Ingilterra mal-attriċi Amerikana Meghan Markle, ħarġet l-aħbar, issa, li ċ-ċerimonja taż-żwieġ tagħhom se ssir f’Mejju, fil-kappella ta’ San Ġorġ, fil-Kastell ta’ Windsor, f’Londra.
L-aħħar rapporti qalu li l-Familja Rjali Ingliża se tiffinanzja l-ispejjeż għas-servizz reliġjuż, il-mużika u r-riċeviment ta’ wara ċ-ċerimonja. Uffiċjali kkonfermaw ukoll li Meghan Markle, li hi Protestanta, se tkun ikkonfermata membru tal-Knisja Anglikana qabel il-jum taż-żwieġ tagħha.
L-attriċi ta’ 36 sena għandha wkoll l-intenzjoni li ssir ċittadin tar-Renju Unit.
Qabel l-aħħar żviluppi, l-Arċisqof ta’ Canterbury kien indika li ż-żwieġ irjali li jinsab fuq fomm kulħadd kellu jsir fi knisja u li Harry u Meghan kienu għażlu li jingħaqdu fis-sagrament taż-żwieġ waqt ċerimonja reliġjuża.
Hemm stennija kbira għal aktar dettalji dwar iż-żwieġ irjali, wara li Clarence House ( ir-residenza uffiċjali tal-Prinċep ta’ Wales u d-Dukessa ta’ Cornwall) ħabbar li Harry u Meghan taw l-engagement u kienu qed jippjanaw biex jiżżewwġu fir-rebbiegħa.
L-osservaturi tal-protokoll irjali kienu indikaw, qabel, li d-data taż-żwieġ bejn il-prinċep u l-attriċi ‘ma kellhiex taqa’ f’April’ peress li Katherine, id-Dukessa ta’ Cambridge, li hi miżżewwġa lill-Prinċep William (ħu l-Prinċep Harry) ,mistennija twelled għat-tielet darba proprju f’dak iż-żmien.
Il-Prinċep Harry, issa, żvela li kien ippropona ż-żwieġ lil Meghan aktar kmieni dan ix-xahar ‘waqt lejl tipiku għalihom’ u meta huma kienu fid-dar tiegħu fil-Palazz ta’ Kensington. Hu, intant, ta ċurkett lill-attriċi li ddesinja hu stess u li jinkludi fih żewġ djamanti li darba kienu ta’ ommu, il-mibkija Diana, il-Prinċipessa ta’ Wales.
//= $special ?>

