Id-Deputat Laburista Robert Abela, permezz tal-kumpanija legali tiegħu, daħħal fil-but aktar minn €10,000 għal servizzi legali mgħotija lill-Air Malta. Dan ħareġ minn mistoqsija Parlamentari li saret mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.
Is-servizzi lil-linja nazzjonali tal-ajru ngħataw is-sena li għaddiet, jiġifieri fl-2016, mill-kumpanija ‘Abela Advocates’ li Robert Abela għandu flimkien ma’ martu Lydia, li wkoll hija involuta fil-Partit Laburista.
Iċ-ċifra ta’ €10,000 hija l-aħħar minn sensiela ta’ ċifri li sar magħruf li Robert Abela daħħal minn servizzi u konsulenzi oħra lil numru ta’ awtoritajiet, entitajiet u Ministeri tal-Gvern. Filfatt, minn mistoqsijiet Parlamentari oħra kien sar magħruf kif mill-elezzjoni ġenerali tal-2013 ‘l hawn, il-kumpanija legali ta’ Robert Abela daħħlet kważi €600,000 minn konsulenzi u servizzi legali lil Transport Malta u l-Awtorità tal-Ippjanar.
Robert Abela huwa Deputat Laburista kif ukoll konsulent tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Minn Transport Malta, Robert Abela tħallas €14,000 filwaqt li mill-Awtorità tal-Ippjanar daħħal kważi €480,000 mill-2013 sal-lum. Apparti dawn l-entitajiet tal-Gvern, id-ditta legali ta’ Robert Abela rċeviet ukoll mat-€12,000 għal konsulenzi mogħtija lill-Ministeru tas-Saħħa u mat-€30,000 oħra għal konsulenzi mogħtija lill-Ministeru tat-Turiżmu.
Bħalissa, Robert Abela qed jissemma fil-media peress li sar magħruf li qed tinbena fazzjoni fi ħdan il-Partit Laburista li tappoġġjah għal mexxej Laburista wara Joseph Muscat.
Sadanittant, persuni qrib Ian Borg, li sorsi qalulna li wkoll jinsab interessat fil-kariga ta’ mexxej Laburista, qalu li meta wieħed jara l-ammont ta’ flus li Abela daħħal mis-servizzi ta’ konsulenza, wieħed malajr jifhem għaliex kien irrifjuta l-kariga ta’ Segretarju Parlamentari.
//= $special ?>