Sindku fil-Punent tal-Ġermanja spiċċa ferut minn aggressur armat, fost suspetti li l-attakk fuqu seħħ minħabba l-politika liberali tiegħu fir-rigward tal-immigrazzjoni.
Il-vittma, Andreas Hollstein, li hu s-Sindku konservattiv ta’ Altena, kellu jiddaħħal l-isptar għat-trattament wara li hu qala’ daqqiet ta’ sikkina f’għonqu meta kien f’ħanut tal-kebabs, fil-belt partikulari.
L-aggressur, imbagħad, kien imrażżan mill-proprjetarju tal-ħanut u ibnu, li żammewh sakemm waslu fuq il-post il-pulizija. Hollstein, li għandu 57 sena, qal, aktar tard, li ‘hu jiddubita li kien isalva mill-attakk li kieku ma kenitx għar-reazzjoni f’waqtha mis-sid tal-ħanut u t-tifel tiegħu.’
Il-belt ta’ Altena, li tinsab fir-reġjun ta’ Rhine-Westphalia, lejn it-Tramuntana, hi magħrufa li aċċettat ‘aktar mill-kwota stabbilita ta’ immiganti’. Din il-belt ta’ 17,000 resident, f’Mejju, rebħet premju nazzjonali għall-mod kif irnexxielha tintegra lill-immigranti qalb il-komunità.
Intant, il-Prim Ministru ta’ Rhine-Westphalia, Armin Laschet, ikkonferma li l-awtoritajiet tas-sigurtà huma tal-fehma li l-attakk fuq Hollstein – li hu membru tal-Partit CDU tal-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel – kien xprunat minn element politiku.
Intant, il-Kanċiller Merkel ikkundannat l-attakk fuq is-Sindku ta’ Altena u awgurat li hu jista’ jirritorna malajr ma familtu.
Il-wirja fqira tal-Partit CDU ta’ Merkel fl-elezzjoni ġenerali ta’ Settembru qed tkun attribwita, fil-parti kbira, għall-kritika tal-Ġermaniżi rigward il-politika liberali tal-Kanċillier għall-immigrazzjoni. Dan wara li hi aċċettat ‘il fuq minn miljun barrani li qegħdin ifittxu kenn politiku ( ħafna minnhom Musulmani) waqt il-kriżi tal-immigranti li ddominat l-Ewropa bejn l-2015 u l-2016.
//= $special ?>

