Lokali

Il-Ministru Cardona jiċħad involviment fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija

Il-Ministru Chris Cardona llejla ċaħad li hu kien il-ministru li ndaħal fl-investigazzjonijiet tal-pulizija li kien qed imexxi l-ex uffiċjal tal-pulizija u tal-FIAU Jonathan Ferris. Fis-seduta tal-bieraħ it-Tnejn il-ministri Evarist Bartolo u Josè Herrera ukoll ċaħdu kull indħil.

Din id-dikjarazzjoni saret waqt il-ħin tal-mistqosijiet parlamentari għal diversi mistoqsijiet tad-deputati Nazzjonalisti Beppe Fenech Adami, Mario de Marco u Claudio Grech. Dan wara li l-ex uffiċjal tal-Pulizija u eks uffiċjal tal-FIAU Jonathan Ferris iddikjara li meta kien pulizija kellu indħil minn Ministru tal-Gvern.

Id-deputati Nazzjonalisti Claudio Grech u Beppe Fenech Adami staqsew lill-Ministru Chris Cardona dwar l-istqarrija tal-ex uffiċjal tal-FIAU Jonathan Ferris li żvela li ministru intervjena f’investigazzjonijiet tal-Pulizija.

Il-Ministru Cardona wieġeb li hu qatt ma intervjena fl-investigazzjonijiet tal-pulizija u sostna li qatt ma kellem lil Jonathan Ferris.

Il-Ministru Cardona ma weġibx jekk il-kabinet tal-ministri li ltaqa’ llum iddiskutiex din is-sitwazzjoni għax qal li d-diskussjonijiet fil-kabinet m’humiex ta’ natura pubblika.

Id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco irrimarka li l-Ministru Carodna qed jeskludi li hu indaħal fl-investigazzjonijiet tal-pulizija iżda mhux jeskludi li xi ministru ieħor indaħal.