Is-Saltna tad-Dritt tesiġi li allegazzjonijiet ta’ natura kriminali ma jiġux deċiżi minn elezzjonijiet ġenerali iżda mill-Qrati u nvestigati serjament mill-Pulizija għax quddiem il-liġi, kulħadd l-istess. Dan qalitu n-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili hekk kif qed tirribatti l-argument fallaċi li jġibu xi wħud meta jfakkru fir-rebħa elettorali kbira li għamel il-Partit Laburista f’Ġunju biex ma sseħħx id-diskussjoni li s-Saltna tad-Dritt ġiet attakkata u jiġi kkanċellati allegazzjonijiet ta’ abbuż.
Mal-mezzi tax-xandir fi Strasburgu, l-Ewro Parlamentari Laburista Alfred Sant biddel il-fehma tiegħu fuq Konrad Mizzi għax skont hu, l-istess politiku rreġistra suċċess elettorali fl-imsemmija elezzjoni u allura t-talba tar-riżezja, kawża tal-gravità tal-allegazzjonijiet miġjuba kontrieh, ma tibqax fis-seħħ. In-Netwerk jgħid li stqarrija bħal din timmina l-pedament tas-saltna tad-dritt għaliex l-elezzjonijiet ġenerali ma jagħtu immunità lil ħadd, la ġuridika u wisq anqas morali. Huwa jappella lill-politiċi Maltin biex jerfgħu r-responsabbiltà u bl-eżempju jikkontribwixxu biex jissaħħu l-valur demokratiċi Maltin.
In-Netwerk tas-Socjetà Ċivili ser jorganizza dimostrazzjoni għall-ġustizzja nhar il-Ħadd 3 ta’ Diċembru fl-4pm fil-Belt Valletta, bil-kelliem ewlieni jkun l-eks Maġistrat kontra l-korruzzjoni, Antonio Di Pietro.
//= $special ?>