Internazzjonali

Kenyatta jieħu l-ġurament fil-Kenja

Uhuru Kenyatta ħa l-ġurament għat-tieni terminu tal-Presidenza tal-Kenja waqt ċerimonja f’Najrobi, li kienet bojkottjata mill-Oppożizzjoni. Intant, Kenyatta, waqt diskors, impenja ruħu biex jegħleb is-sentimenti tad-diviżjoni qalb is-soċjetà minbarra li wiegħed biex jadotta xi ideat tal-Oppożizzjoni ‘fl-ispirtu tal-inklużività’.

Iċ-ċerimonja saret fi stadium ippakkjat bin-nies, waqt li fi bnadi oħra tal-kapitali, il-pulizija ġġieldu mas-sostenituri tal-Oppożizzjoni li kienu qed jippruvaw jorganizzaw rally.

Intant, il-Kap tal-Oppożizzjoni Raila Odinga, li x-xahar li għadda kien ibbojkottja r-ripetizzjoni tal-elezzjoni għall-Presidenza, illum uża kummenti speċifiċi biex jirredikola ‘l-inkoronazzjoni ta’ Kenyatta’.

Uhuru Kenyatta kien uffiċjalment re-elett President bi 98 fil-mija tal-vot fis-26 ta’ Ottubru, iżda dakinhar kienu ħarġu biss taħt id-39 fil-mija tal-elettorat. L-elezzjoni oriġinali tat-8 ta’ Awwissu fil-Kenja kellha ssir mill-ġdid wara li l-Qorti Suprema annullat l-ewwel riżultat fuq bażi ta’ irregolaritajiet.