Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kellu laqgħa mal-Ambaxxatur Iżraeljan għal Malta, Eyal Sela.
Adrian Delia qal li ż-żewġ pajjiżi għandhom ħafna x’jgħaqqadhom fil-valuri bażiċi u kulturali. Għalhekk, ir-relazzjoni bejniethom mhijiex biss diplomatika iżda ta’ ħbiberija.
L-Ambaxxatur Iżraeljan elenka l-karatteristiċi komuni taż-2 popli, fosthom il-valuri Ġudeo-Kristjani u demokratiċi, il-pajsaġġ, il-pożizzjoni ġeografika Mediterranja u li ż-2 lingwi għandhom qafas Semitiku.
Temi oħra diskussi kienu l-isfidi li jiffaċċjaw iż-żewġ popli biex jivvjaġġaw bl-ajru jew bil-baħar biss. Għalkemm l-Iżrael mhuwiex gżira, il-poplu Iżraeljan għandu l-mentalità ta’ gżira minħabba n-nuqqas ta’ paċi fir-reġjun.
Matul il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin, Carm Mifsud Bonnici.



