Il-Pulizija Awstraljana arrestat raġel li allegatament kien qed jippjana biex iwettaq attakk terroristiku waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tas-sena l-ġdida li għandhom isiru fil-belt ta’ Melbourne.
Ir-raġel, li għandu 20 sena, se jkun akkużat b’reati ta’ terroriżmu u mhux eskluż li hu jista’ jeħel il-ħabs għal għomru jekk kemm il-darba jinsab ħati.
Il-Pulizija qed jallegaw li dan ir-raġel kien qed jaħseb biex jiftaħ in-nar b’azzarin awtomatiku għal fuq il-folol li se jippakkjaw Federation Square, fiċ-ċentru ta’ Melbourne, waqt l-aħħar tokki tal-2017. Intant, l-awtoritajiet Awstraljani, issa, qed jagħmluha ċara li mhemm l-ebda theddida immedjata għall-pubbliku.
L-awtoritajiet komplew li s-suspettat ma rnexxilux jikseb l-arma awtomatika qabel spiċċa arrestat f’Werribee, li hu sobborg ta’ Melbourne.
Intant, il-Viċi-Kummissarju tal-Pulizija fl-Istat ta’ Victoria, Shane Patton, qal li l-awtoritajiet qegħdin jallegaw li l-arrestat ‘kellu l-intenzjoni biex juża azzarin bil-għan li joqtol il-massimu tan-nies possibbli waqt l-eqqel taċ-ċelebrazzjonijiet (tal-Ewwel tas-Sena’.
Is-suspettat, li hu mwieled l-Awstralja lil ġenituri Somali, kien ilu taħt l-osservazzjoni tal-pulizija — bħala ‘persuna ta’ interess’ – minn Jannar li għadda. Intant, magħruf li r-raġel -li għandu simpatiji mal-ISIS – kien qed jaġixxi waħdu u l-pulizija mhumiex jistennew li jsiru aktar arresti marbuta mal-każ.
Is-sena l-oħra, madwar nofs-miljun ruħ iċċelebraw sbieħ l-Ewwel tas-Sena fiċ-ċentru ta’ Melbourne.
//= $special ?>

