Lokali

L-Electrogas f’nuqqas fis-self ta’ €450 miljun

L-Electrogas naqset li tipprovdi dokumentazzjoni li turi li ggarantixxiet finanjament fit-tul. Uffiċjal ogħli tal-Ministeru tal-Finanzi f’Settembru qajjem tħassib dwar nuqqas serju mill-Electrogas fit-termini tal-ftehim ta’ self ta’ €450 miljun, li hu garantit mill-garanzija multi-miljunarja tal-Gvern. Dan kien żvelat illum fil-gazzetta The Times of Malta.

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi Alfred Camilleri kien notifikat mill-banek f’Settembru li għadda dwar dan in-nuqqas fil-ftehim mill-konzorju fil-kuntratt dwar il-power station ġdida tal-gass f’Marsaxlokk. Alfred Camilleri qal lill-persuni involuti li n-nuqqas fil-ftehim ta’ self kien wieħed serju u ta’ natura urġenti u li kien jirrikjedi azzjoni immedjata.

Jirriżulta li l-Electrogas wettqet nuqqas fil-kuntratt wara li naqsu li jissottomettu d-dokumentazzjoni neċessarja li turi li huma kienu lesti jipprovdu finanzjament fit-tul fuq il-proġett skont il-miri stipulati. Il-banek informaw lill-Ministeru tal-Finanzi li l-Electrogas talbet waiver fuq dan in-nuqqas, liema talba kienet rifjutata.

Wara diversi laqgħat f’Settembru, il-Gvern qabel li għal darb’oħra jestendi dik li kienet garanzija temporanja ta’ €360 miljun biex l-Electrogas tingħata iktar żmien biex tassigura l-finanzjament.

Dan wassal biex il-waiver ingħatat u b’hekk kien possibbli li l-banek ikomplu jestendu s-self lill-Electrogas sal-aħħar ta’ dan ix-xahar. Il-konsorzju iffirma ftehim ta’ bridge loan ta’ 22 xahar ma’ erba’ banek fit-28 ta’ Lulju 2015.

Diġà kien rappurtat li l-garanzija tal-Gvern kienet estiża darb’oħra lejliet l-elezzjoni ġenerali tat-3 ta’ Ġunju. Ma kien tħabbar xejn dwar dawn l-estenzjonijiet. FJannar li għadda l-Kummissjoni Ewropea ma kinitx skont ir-regoli tal-UE.

Il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea kienet se twassal biex il-garanzija bankarja ta’ €360 miljun tkun irtirata. Il-Gvern għamel ukoll ftehim biex jixtri l-Electrogas jekk is-sigurtà tal-ftehim ma jkunx approvat.

L-MEP Francis Zammit Dimech ressaq numru ta’ mistoqsijiet formali lill-Kummissjoni Ewropea fejn staqsa jekk il-gvern Malti informahiex dwar l-estenzjoni u jekk din kinitx skont ir-regoli tal-UE.

Dan kien tqanqal ukoll sentejn ilu mill-MEP David Casa li kien staqsa lill-Kummissjoni Ewropea il-proċess li uża l-gvern Malti hux wieħed skont il-proċeduri stabbiliti.

Intant, il-Gvern fi stqarrija sostna li hekk kif il-proġett tal-powerstation il-ġdida beda jiprogressa, il-konsorzju ta’ istituzzjonijiet finanzjarji kiber b’mod konsiderevoli. Fl-isfond ta’ dan l-iżvilupp, iċ-ċirkustanzi ġġustifikaw li jkun hemm din l-estenzjoni. Dan għaliex l-istqarrija żżid tgħid li peress li l-Gvern jagħti garanzija għall-parti mis-self tal-Electrogas, hemm mekkaniżmi ta’ protezzjoni li permezz tagħhom, id-data ta’ maturità ma tkunx tista’ tiġi estiża jekk mhux b’approvazzjoni mill-Gvern.

Għaldaqstant, l-istqarrija tal-Gvern semmiet kif  l-artiklu li ġie ppubblikat f’The Sunday Times of Malta l-Ħadd li għadda fih għadd ta’ implikazzjonijiet żbaljati u ineżatezzi li ġew ippublikati sabiex jissenzjonalizzaw il-każ tal-Electrogas fi żmien meta l-proġett ġie implimentat u qed jiffunzjona. L-istess stqarrija tgiddeb dak li ġie ppubblikat fl-artiklu – dak li l-banek jew il-Gvern iritiraw il-waiver. Intqal kif id-dokumenti finanzjarji għar-rifinanzjament tal-bridge loan huma mistennija li jiġi eżegwiti sa tmiem dan ix-xahar.