Internazzjonali

Myanmar: Il-Papa ma jirreferix għar-Rohingya waqt diskors

 

Il-Papa Franġisku  għamel diskors sinifikanti fejn insista ‘biex kull grupp etniku’ jingħata r-rispett dovut. Madankollu hu naqas milli jirreferi speċifikament għall-komunità Musulmana tar-Rohingya li l-membri tagħha, fl-aħħar xhur, kienu kostretti li jaħarbu bl-eluf minn Myanmar lejn Bangladesh.

Il-gruppi favur id-drittijiet umani kienu ħeġġew lill-Papa biex juża l-kelma ‘Rohingya’ b’turija ta’ appoġġ għal dik il-komunità. Iżda l-Knisja Kattolika fi Myanmar infurmat lill-Papa li t-tlissin tat-terminu minnu jista’ joħloq il-problemi għall-Kattoliċi fil-pajjiż. Intant, il-Papa lanqas ma rrefera għar-Rohingya waqt laqgħa li kellu f’Yangon, mal-kapijiet reliġjużi tal-Hindu, l-Iżlam u l-Buddiżmu, u fejn kien hemm preżenti wkoll il-kapijiet tal-Lhud u l-Kristjani.

L-awtoritajiet fi Myanmar qed ikunu akkużati dwar kampanja ta’ tindif etniku, b’620,000 Rohingya jaqsmu l-fruntiera lejn Bangladesh minn Awwissu. Il-Gvern ta’ Myanmar qed jiċħad għal dan kif ukoll għall-kelma ‘Rohingya’ , meta jirreferi għall-komunità partikulari bħala ‘Bengali’. Skont dan il-Gvern, il-Musulmani speċifiċi huma immigranti illegali u ma ħaqqhomx l-istatus ta’ grupp etniku ( fi Myanmar).

Minkejja li ma semmiex lir-Rohingya b’mod dirett, il-Papa, waqt id-diskors, iddefenda bis-sħiħ lid-drittijiet etniċi u qal li l-futur ta’ Myanmar irid jibbaża fuq paċi li tirrifletti rispett għad-dinjità ta’ kull membru tas-soċjetà u ta’ kull grupp etniku.

Qabel id-diskors tal-Papa, fil-kapitali Naypyidaw, il-Kap tal-Kattoliċi kellu taħditiet mal-Mexxejja ta’ Myanmar, Aung San Suu Kyi. Fid-diskors tagħha, Suu Kyi – rebbieħa tan-Nobel għall-Paċi – ukoll ma għamlitx referenza diretta għall-Musulmani tar-Rohingya iżda aċċettat li s-sitwazzjoni fl-Istat ta’ Rakhine ( fejn qed ikunu persekwitati l-Musulmani) ‘kienet serqet l-attenzjoni tad-dinja’.

Suu Kyi spjegat li kwistjonijiet soċjali, ekonomiċi u politiċi kienu naqqru l-fiduċja u l-kooperazzjoni bejn id-diversi komunitajiet f’Rakhine, meta hi qed tkun ikkritikata dwar in-nuqqas ta’ azzjoni fil-konfront tal-kriżi tar-Rohingya.

Hi, fil-fatt, tneħħitilha l-unur intitolat Freedom of the English city of Oxford, bil-kunsillieri ta’ din il-belt Ingliża jgħidu li ma jridux jonoraw lill-persuni ‘li jdawwru wiċċhom ‘il hinn mill-vjolenza’.