Futbol Sport

Pizzi jinħatar kowċ tal-Arabja Sawdija

Juan Antonio Pizzi mexxa l-aħħar lit-tim nazzjonali taċ-Ċili

Juan Antonio Pizzi mistenni li se jkun qed imexxi lit-tim nazzjonali tal-Arabja Sawdija fit-Tazza tad-Dinja tas-sena d-dieħla, wara li nħatar bħala l-kowċ il-ġdid biex jieħu t-tmexxija wara li l-kowċ Arġentin Edgardo Bauza spiċċa mill-kariga l-ġimgħa l-oħra.

Pizzi sar it-tielet persuna li se jmexxi lil dan il-pajiż minn Settembru, wara li l-kowċ Olandiż Bert van Marwijk mexxa lit-tim Asjatiku għall-kwalifikazzjoni awtomatika tat-Tazza tad-Dinja. Pizzi  se jkun jaf l-avversarji tiegħu fir-Russja fil-polza tal-1 ta’ Diċembru f’Moska.

Hu kien qed jittama diġà li jkun fl-akbar kompetizzjoni tal-futbol f’Ġunju li ġej, wara li mexxa liċ-Ċili għar-rebħ tal-Copa America fl-2016 u l-finali tat-Tazza tal-Konfederazzjonijiet din is-sena. Iżda huma naqsu milli jikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja b’telfa ta’ 3-0 kontra l-Brażil li wasslu biex niżlu mit-tielet għas-sitt post fil-klassifika f’ġurnata drammatika biex saħansitra tilfu minn post fil-play-offs.

Pizzi li fil-passat lagħab ma’ Barcelona, se jieħu post Bauza wara li l-Arġentin rebaħ biss żewġ logħbiet mill-ħamsa li mexxa, bl-aħħar waħda tkun telfa ta’ 1-0 kontra l-Bulgarija.

L-Arabja Sawdija kkwalifikaw fit-tieni post minn Grupp B tal-Asja, wara rebħa fuq il-leaders il-Ġappun fl-aħħar ġurnata ta’ logħob.