Fl-aħħar ġimgħat il-Pulizija waslulha rapporti – fl-Għassa tal-Pulizija tal-Marsa u fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Birżebbuġa – minn ommijiet li allegaw li kien hemm persuni barranin li ppruvaw jisirqu lit-tfal rispettivi tagħhom.
Il-Pulizija mhux biss qed tivverifika kemm dawn ir-rapporti huma tassew minnhom, imma qed tinvestiga wkoll każijiet oħrajn li mhux bilfors – u dan għal xi raġuni jew oħra – spiċċaw rappurtati lilha. Fost l-oħrajn aktar rapporti simili daħlu fil-lokalità tal-Marsa u anki każ ieħor separat fil-lokalità ta’ Tas-Sliema.
Il-gazzetta in-Nazzjon tirraporta kif omm partikulari li toqgħod fil-Marsa rrakkontat l-esperjenza trawmatika li għaddiet minnha ftit tal-ġimgħat ilu. B’rogħda fuqha sal-ġurnata tal-lum hi qalet: “Kien ilu xi ġimgħa jitbissem u jidħak lit-tifel żgħir tiegħi. Kien jurih ukoll il-ħelu. It-tifel ma kienx jaf u kien ikompli, iżda jien kont nibża’ ħafna.
“Darba minnhom konna mexjin fit-triq sejrin lejn id-dar, u dan ir-raġel immigrant ta’ karnaġġjon skur qabad dirgħajn it-tifel u beda jġebbdu lejh u jien inwerżaq u ngħajjat u ntih bil-flixkun tal-istainless steel.
“Trawma li ma ninsieha qatt. Mort dritt għand il-Pulizija u għamilt rapport l-Għassa. X’ġara minn dakinhar ’l hawn ma naf xejn. Li naf hu li hawn aktar ommijiet li għaddew minnn din l-esperjenza ta’ attentat ta’ serq tat-tifel jew it-tifla tagħhom.”
Hekk irrakkontat bid-dmugħ f’għajnejha din l-omm li mal-gazzetta in-Nazzjon qalet li hi ma tistax temmen li s-sitwazzjoni fil-Marsa bil-volum kbir ta’ immigranti li hemm waslet sa hawn.
Għar-rimarka li, iżda, sal-lum qatt ma kienu rappurtati tfal neqsin jew misruqa, l-omm qalet li dan ma jiġrix għaliex kulħadd joqgħod attent ħafna għat-tfal tiegħu u ħadd ma jafdahom waħidhom.
“Taħseb inti li b’kumbinazzjoni li ħafna ġenituri mhumiex jibagħtu lit-tfal jitgħallmu l-futbol? Hawnhekk lit-tfal ma nafdawhomx sekonda waħidhom.
“Jew mur sal-bandli u ara tarax tfal. Ħadd ma għadu jafda lit-tfal tiegħu jmorru l-bandli. U quddiem dan kollu l-awtoritajiet ma jagħmlu xejn. Il-Gvern passiv. Il-Kunsill Lokali indifferenti jew inkompetenti… u l-Knisja ma titkellimx lanqas,” temmet din l-omm.
Każ ieħor seħħ ftit ilu f’Birżebbuġa u omm li tkellmet ma’ newsbook.com.mt qalet: “Kien is-Sibt waqt li kont qed nixtri. Żewġt irġiel daru mal-pram li fiha kien hemm binti ta’ seba’ xhur.”
Hi rrakkuntat kif f’mument minnhom hi tbiegħdet żewġ passi mill-pram sakemm tal-ħanut urieha xi affarijiet li kienu mas-saqaf u li kienet interessata li tixtri.
Spjegat li kienu għaddew biss ftit minuti u kif dawret wiċċha tilmaħ żewġt irġiel barranin b’idhom fuq il-pram u wieħed minnhom imiss it-tifla.
Dak il-ħin marret tiġri u ġibdet il-pram, biż-żewġt irġiel jersqu ’l bogħod. L-omm, meta mistoqsija jekk jistax ikun li ż-żewġt irġiel kienu biss qed jiggustaw it-tifla, argumentat li ħafna jiggustaw lit-tfal, imma ħadd qabel ma qabad il-pram jew beda jmiss it-tifla. Dwar dan il-każ jirriżulta li l-omm ma tkellmet ma’ ħadd.
F’nofs din il-ġimgħa żviluppa każ ieħor simili f’Birżebbuġa wkoll fejn omm irrikorriet għall-midja soċjali u rrakkuntat l-esperjenza qarsa li għaddiet minnha meta waqt li kienet qed tixtri, raġel u mara ħadulha l-pushchair u ppruvaw jitilqu biha, tant li qalet li kienu xi nies fl-istess ħanut li marru jiġru warajhom.
Dwar dan il-każ sar rapport lill-Pulizija tal-lokal u l-Pulizija bdiet tinvestiga dak li ngħadilha.
Hekk kif kien ippubblikat dak ir-rapport fil-midja soċjali, kien hemm ommijiet oħrajn li milli jidher għamlu l-kuraġġ u rrakkuntaw huma wkoll xi esperjenzi simili, fosthom waħda li tkellmet dwar dak li għaddiet minnu waqt li kienet f’Tas-Sliema. Hi qalet li kienet quddiem ħanut u sakemm daret biex tkellem lill-għarus tagħha li kien ġewwa, raġel twil u bla xagħar, x’aktarx barrani wkoll, qabdilha l-pushchair iżda laħqet daret bl-eżatt. Din l-omm temmet li malli daret ir-raġel inħasad, ħares lejha u baqa’ sejjer.
//= $special ?>