Il-Kumitati u l-kunsilliera għandhom ikunu għodod ewlenin fit-tfassil tal-politika. Il-politika Nazzjonalista għandha tkun mill-poplu għall-poplu. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa mal-Kumitati Sezzjonali tar-raba’ u l-ħames Distrett fil-każin tal-PN f’Santa Luċija.
Adrian Delia qal li biex il-politika tkun tassew relevanti u ssir minn isfel għal fuq, in-nies iridu jkunu parteċipi b’mod sħiħ billi jikkontribwixxu l-ideat u l-fehmiet tagħhom. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista huwa determinat li jagħti vuċi lin-nies fil-lokalitajiet diversi. Għalhekk hu bħala Kap qed iżur kontinwament lokalitajiet diversi f’kull distrett, biex il-politika tkun mfassla ukoll permezz tas-smiegħ.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalsta qal li m’hawnx Malta waħda għal kulħadd għax nies f’postijiet differenti għandhom bżonnijiet differenti. Huwa tenna li hija importanti li l-politiċi jisimgħu il-perspettiva tan-nies fid-Distretti differenti biex tassew ifasslu politika relevanti. Dan jista’ jsir biss permezz tal-kuntatt dirett man-nies, għalhekk dawk preżenti setgħu jistaqsu u jagħtu l-kummenti tagħhom dwar dak kollu li qed jinkwetahom, dak kollu li.jikkonċernah.
Huwa qal li hemm ħafna nies illum il-ġurnata qed ifittxu biex jgħinu lill-Partit. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-PN qed jiffaċċja sfidi kbar, madanakollu bl-involviment ta’ dawk kollha li jixtiequ l-ġid lil Partit u lill-pajjiż dawn l-isfidi faċli jistgħu jiġu megħluba. Adrian Delia qal li l-Partit qed jilqa’ lil kull min jixtieq jgħin.
B’referenza għal dak li qed jiġri fil-pajjiż il-Kap tal-PN qal li l-Oppożizzjoni se tibqa tħares li tirreaġixxi bl-aktar mod responsabbli u b’saħħtu fil-ġlieda ta’ Malta kontra l-korruzzjoni. Il-Partit se jkun it-tarka biex f’pajjiżna mill-ġdid terġa tirrenja s-saltna tad-dritt, li titħaddan il-libertà tal-espressjoni u kif ukoll is-sigurtà. Il-kriminalità ġewwa pajjiżna qed tiżdied, Adrian Delia qal li l-ħażin qed jgħolli rasu għax qed jingħata lok biex l-abbuż ikompli jiżdied.
Huwa qal li jrid jaħdem id f’id mal-awtoritajiet kollha konċernati biex din il-problema tiġi megħluba. Il-Kap tal-PN qal li l-moralitajiet tal-pajjiż saru li kollox sar qisu xejn m’hu xejn u din il-mentalità trid tinbidel mill-aktar fis.
Il-PN mill-Oppożizzjoni qed juri li qed ikun pro-attiv, u qed iwassal il-messaġġ ta’ dak li jikkonċerna liċ-ċittadin. Huwa qal li se jibqa jagħmel dan għax jemmen li minn kull aspett il-Partit jista’ jwettaq bidla għall-aħjar f’ħajjet il-Maltin.
Adrian Delia qal li dawn id-djalogi liberi se jkomplu fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin u l-Partit Nazzjonalista se jara li dak li joħroġ minn dan il-proċess ikun rifless fid-deċiżjonijiet li jittieħdu.
//= $special ?>