Futbol Sport

Alan Pardew jinħatar manager ta’ West Bromwich Albion

Alan Pardew ilu kważi mingħajr klabb (Ritratt: Premier League)

Alan Pardew se jirritorna fit-tmexxija ta’ klabb wara li ġie magħżul biex imexxi lil West Bromwich Albion b’kuntratt ta’ sentejn u nofs. John Carver l-assistent ta’ Pardew fiż-żmien tiegħu ma’ Newcastle, se jingħaqad fl-istaff tat-tim.

Pardew kien involut f’diskussjonijiet avvanzati ma’ West Brom fl-aħħar jiem wara li kien il-favorit li jieħu t-tim matul il-ġimgħa li għaddiet. “L-isfida immedjata se tkun li niksbu r-riżultati biex nitilgħu fil-klassifika. Iżda ninsab konxju li se ningħaqad ma’ wieħed mill-klabbs tradizzjonali tal-futbol Ingliż, li hu determinat li javvanza fil-Premier League.

Pardew kien il-persuna preferuta b’deċiżjoni unanima skont iċ-chairman tal-klabb John Williams, minkejja li kien ilu nieqes mit-tmexxija teknika ta’ klabb għal kważi sena wara li tkeċċa minn Crystal Palace ftit qabel il-Milied tas-sena l-oħra.

Is-sid ta’ West Brom, iċ-Ċiniż Guochuan Lai ried xi ħadd li għandu esperjenza fil-Premier League, b’Pardew għandu wkoll relazzjoni tajba mad-direttur tekniku tal-klabb Nick Hammond, b’tal-aħħar ikun id-direttur tal-futbol ta’ Reading meta Pardew kien kowċ.

West Brom keċċew lil Tony Pulis fl-20 ta’ Novembru wara telfa iebsa f’darhom ta’ 4-0 kontra Chelsea. Gary Megson kien qed imexxi lit-tim b’mod temporanju minn meta tneħħa Pulis. Fil-konfront tat-Tlieta, it-tim tiegħu tilef vantaġġ ta’ żewġ gowls biex spiċċaw 2-2 kontra Newcastle.

Maż-żmien li jieħu t-tmexxija tat-tim, Pardew jista’ jieħu tim li jkun mal-aħħar tlieta. West Brom jinsabu fis-16-il post iżda jistgħu jinqabżu minn Everton, West Ham u Swansea.