Sam Allardyce laħaq ftehim ma’ Everton biex isir il-manager tal-klabb. Sammy Lee se jkun l-assistent ta’ Allardyce filwaqt li l-eks manager ta’ Leicester Craig Shakespeare, li kien l-assistent ta’ Allardyce mat-tim nazzjonali Ingliż, se jingħaqad ukoll fl-istaff tekniku.
David Unsworth li kien fit-tmexxija tat-tim fuq bażi temporanja, se jirritorna fil-kariga preċedenti ta’ kowċ tat-tim ta’ taħt it-23 sena, filwaqt li Duncan Ferguson hu mistenni wkoll li jkollu post fit-tim tekniku.
Allardyce hu mistenni li jasal l-Ingilterra llum wara li kien fuq vaganza f’Dubai fejn assista għall-Grand Prix tal-Formula 1 u se jattendi għall-partita li Everton għandhom illejla kontra West Ham f’Goodison Park.
It-Toffees reġgħu fetħu d-diskussjonijiet mal-manager ta’ 63 sena biex jieħu post Ronald Koeman, wara li d-diskussjonijiet inizjali kienu bdew ġimagħtejn ilu. Il-ftehm ma ntlaħaqx f’dak iż-żmien, iżda wara li Everton ma rnexxielhomx jakkwistaw lill-manager ta’ Watford Marco Silva. Jidher li l-kowċ ta’ Shaktar Donetsk Paulo Fonseca kien avviċinat, filwaqt li l-manager tal-Irlanda Martin O’Neill ukoll kien qed jiġi kkunsidrat.
Everton se jkun is-seba’ klabb ta’ Allardyce fil-Premier League wara li ħalla lil Crystal Palace fis-sajf li għadda. Hu kien l-għażla tad-direttur tal-futbol Steve Walsh. Iċ-chairman ta’ Palace Steve Parish kien qabel mat-tluq tiegħu u hu mifhum li l-klabb minn Londra se jirċievi kumpens ta’ madwar €2.5 miljun jekk Allardyce jikkowċja klabb qabel is-sajf li ġej.
//= $special ?>