Lokali Parlament

Edward Scicluna u Michael Farrugia jiċħdu li ndaħlu fl-investigazzjonijiet tal-pulizija…Joe Mizzi jweġieb fl-aħħar u bil-mikrofonu mitfi

Il-Ministru tal-Finanzi Edwrad Scicluna u l-Ministru tal-Intern Michael Farrugia ngħaqdu mal-Ministri Owen Bonnici, Josè Herrera, Evarist Bartolo u Chris Cardona u ċaħdu li ndaħlu fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija f’każi li kien qed jinvestiga l-ex uffiċjal tal-pulizija Jonathan Ferris.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Joe Mizzi wieġeb biss fl-aħħar ta’ sensiela ta’ mistoqsijiet parlamentari u interventi oħra u ċaħad li ndaħal jew li l-Ministru Konrad Mizzi kinx kellmu dwar dawn l-investigazzjonijiet. Dan sar meta l-Ministru Mizzi kellu l-mikrofonu mitfi.

Kienu d-deputati Nazzjonalisti Beppe Fenech Adami u Ryan Callus li staqsew lill-Ministru Mizzi dwar l-indħil li semma Jonathan Ferris. Beppe Fenech Adami staqsa wkoll jekk il-Ministru Konrad Mizzi informahx jekk kinx hu li kien involut fl-indħil li semma Jonathan Ferris.

Il-Ministru Mizzi ma weġibx il-mistoqsijiet parlamentari diretti u qal li hu għandu espejenza negattiva dwar il-pulizija fi żmien il-Gvern Nazzjonalista. Hu sostna li d-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami m’għandux ikejjel b’xibru u insista li hu mhux se jwieġeb mistoqsijiet li għandhom skopjiet oħra. Joe Mizzi sostna li hu dejjem ħaddem kontra l-korruzzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li dment li l-Ministru Mizzi qed jitkellem kontra l-korruzzjoni, allura għandu jwieġeb jekk kinx hu l-ministru li ndaħal fl-investigazzjonijiet.

Il-Ministru Mizzi ma weġibx lid-deputat Nazzjonalista Ryan Callus li nsista li n-nuqqas ta’ tweġibiet mill-Ministru Mizzi juru li hu kien il-Ministru Mizzi li ndaħal fl-investigazzjonijiet.

Fit-tweġiba tiegħu l-Ministrru Michael Farrugia qal li hu ma ndħalax fl-investigazzjonijiet.