Lokali

“Jien tkeċċejt għax ridt ninvestiga lil Joseph Muscat” – Jonathan Ferris

F'intervista, l-eks uffiċjal tal-FIAU Jonathan Ferris jitkellem dwar għalfejn tkeċċa mill-FIAU u l-investigazzjoni tal-Panama Papers

“Kieku jien għadni naħdem fil-Pulizija u fl-aġenzija ta’ kontra l-ħasil tal-flus – żgur li kont niftaħ investigazzjoni fuq Joseph Muscat. U dik hi r-raġuni li jien tkeċċejt minn xogħli għaliex kienu jafu li jien kont se ninvestigahom” – kliem Jonathan Ferris, l-eks uffiċjal tal-FIAU li kien tkeċċa ftit jiem wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.

Jonathan Ferris tkellem mal-istazzjon Ġermaniż ARD TV, dwar għalfejn jaħseb li seħħ cover-up biex jitrażżanu l-investigazzjonijiet fil-Panama Papers – skandlu li tebba’ isem Malta għaliex fih ġew implikati l-mara tal-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, u l-Ministru Konrad Mizzi.

L-eks uffiċjal tal-FIAU qal, f’intervista li ġiet ppublikata fuq manueldelia.com, li hu ċar li l-Prim Ministru Joseph Muscat, sa minn meta faqqa’ dan l-iskandlu tal-Panama Papers, prova jgħaddi lill-poplu Malti b’passata.

Kompla jistqarr, li ma jistax ikun li Konrad Mizzi u Keith Schembri rregolaw ruħhom, għaliex biex wieħed jirregola ruħu mat-taxxa, l-ewwel irid jiġi mħarrek bil-Qorti – u f’dan il-każ ħadd ma tressaq il-Qorti. “Jien għedt li hemm cover-up, għax fl-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income f’Malta tistqarr li kull pożizzjoni jew rettifika mad-Dipartiment tal-Inland Revenue għandha ssir wara li tiġi kkundannat mill-Qorti. U f’dan il-każ ħadd ma ttieħed il-Qorti. Għalhekk hu ried jieħu l-poplu dawra”, stqarr Jonathan Ferris.

Ferris stqarr mal-media Ġermaniża, li l-Avukat Ġenerali jrid li l-każ tat-tkeċċija tiegħu quddiem it-Tribunal Industrijali jinstema’ wara bibien magħluqa, minħabba l-fatt li ma jridx li tinkixef aktar informazzjoni u ssir aktar ħsara lill-istituzzjonijiet.

Fl-aħħar tenna jgħid li dwar dan il-każ hu lest li jibqa’ jiġġieled sal-aħħar. Lest li jieħu l-każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, u anke saħansitra quddiem il-Qorti Ewropea fi Strasburgu – għaliex jekk int tkun bniedem onest m’għandek xejn x’taħbi. Ma tkunx trid li jinstema’ l-każ għaliex inti jkollok xi ħaġa x’taħbi.