Lokali Parlament

Joe Mizzi jiżgwida lill-Parlament…mhux veru Konrad Mizzi kien imsiefer….evita l-mistoqsijiet parlamentari

Il-Ministru Joe Mizzi ftit ħin ilu żgwida lill-parlament meta fil-ħin tal-mistoqsijiet palamentari iddefenda lill-Ministru Konrad Mizzi – li ma kinx fil-Kamra – billi qal li dan jinsab imsiefer fuq xogħol tal-Gvern. Dan meta l-Ministru Konrad Mizzi kellu mistoqsijiet parlamentari x’iwieġeb iżda ma kinx fil-Kamra. Fil-fatt fid-8.40 p.m il-Ministru Konrad Mizzi daħal fil-Parlamnet u ammetta li ma kinx imsiefer.

Propju f’dan il-mument, il-Whip tal-Oppożizzjoni d-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar ġibed l-attenzjoni tal-Ispeaker li l-Ministru Joe Mizzi kien żgwida lill-Kamra meta aktar kmieni kien ta informazzjoni skorretta lill-Kamra dwar fejn kien il-Ministru Konrad Mizzi.

Fuq punt ta’ spjegazzjoni l-Ministru Konrad Mizzi ammetta li hu ma kinx imsiefer u qal li fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari hu kien fuq xogħol tal-Air Malta.

Quddiem din is-sitwazzjoni, il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar talab ruling mill-Ispeaker.

F’dan il-mument il-Ministru Mizzi reġa’ telaq ‘il barra mill-Kamra.

F’attent biex jiġġustifika lill-Ministru Joe Mizzi, il-Ministru Owen Bonnici irrimarka li dan kien nuqqas żgħir minħabba nuqqas ta’ informazzjoni korretta.