Lokali

Jonathan Ferris jistqarr li hu telaq mill-Pulizija wara ndħil mill-Ministru Carmelo Abela

F'intervista, l-eks Spettur Jonathan Ferris jitkellem dwar indħil mill-Ministru tal-Intern ta' dak iż-żmien

Jonathan Ferris, l-eks Spettur tal-Pulizija u eks uffiċjal tal-aġenzija kontra l-ħasil tal-flus, qal pubblikament li hu kellu jitlaq mill-Korp tal-Pulizija f’Ġunju tal-2016 minħabba ndħil mill-Ministru tal-Intern ta’ dak iż-żmien, Carmelo Abela.

F’intervista ma’ Lovin Malta, Jonathan Ferris qal li s-segretarju ta’ Carmelo Abela kien bagħtlu email bil-Ministru stess ikkupjat fl-email, fejn talbu dwar l-andament ta’ investigazzjoni fir-rigward ta’ każ ta’ frodi li kien qed imexxi Ferris. L-eks Spettur qal li hu rrispondih billi stqarr li l-investigazzjoni għadha għaddejja.

Wara, Ferris talab lis-segretarju ta’ Carmelo Abela li jekk irid jistgħu jsejħu laqgħa bejniethom. Kien f’dan il-punt li Ferris irċieva risposta b’email miktuba f’ittri kapitali li l-Ministru jrid din l-informazzjoni.

Fl-intervista’ ta’ Lovin Malta, Jonathan Ferris qal li din il-korrispondenza hi pressjoni u ndħil – fejn il-Ministru jaf li kien qed jikser il-liġi. L-istess sit li għamel l-intervista’ bagħat numru ta’ mistoqsijiet lill-eks Ministru tal-Intern implikat Carmelo Abela, fejn s’issa għadha ma waslet l-ebda tweġiba.

Jonathan Ferris żied jgħid li l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Ian Abdilla, li hu responsabbli għad-dipartiment tal-ħasil tal-flus u kriminalita’ ekonomika, pressa lil Ferris biex jirrispondi lill-Ministru fl-email biex ma jinħoloqx ‘inċident diplomatiku’.

L-eks Spettur tenna li hu bagħat messaġġ ċar lura, fejn stqarr li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija mhumiex għall-skrutinju pubbliku –u b’hekk wara ftit xhur, mar jaħdem mal-FIAU fejn tkeċċa ftit wara l-aħħar elezzjoni ġenerali.