Kien hemm xeni drammatiċi waqt smigħ ta’ appell marbut mar-reati tal-gwerra fl-eks-Jugoslavja, f’The Hague.
Dan wara li Slobodan Praljak ta’ 72 sena bela’ l-velenu waqt is-smigħ, u miet ftit wara.
Il-każ seħħ fit-tribunal tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Olanda, fejn Praljak u ħames Kroati Bosnijaċi oħra kienu qed jidhru għas-smigħ marbut mar-reati mwettqa fil-belt ta’ Mostar, fil-Bosnja.
Hu kien ikkundannat għal 20 sena ħabs fl-2013 u hekk kif sema’ li l-verdett kien dak li kien, qam bilwieqfa u ħabbar li kien għadu kemm xorob il-velenu. Fil-pront, l-Imħallef li kien qed jippresiedi l-proċeduri, il-Malti Carmel Agius, temm ħesrem il-proċeduri u sejjaħ għal ambulanza.
Praljak kien il-kmandant tal-forzi Kroati Bosnijaċi, magħrufa bħala HVO, u kien ikkundannat għal reati kontra l-umanità. Hu fost l-oħrajn kien ikkundannat għal nuqqas ta’ azzjoni biex iwaqqaf massakri ta’ Musulmani Bosnijaċi kif ukoll attakki kontra l-membri ta’ organizazzjoni internazzjonali u l-qerda tal-pont storiku ta’ Mostar.
AĠĠORNAT: Jagħmel suwiċidju fit-tribunal għar-reati tal-eks Jugoslavja


