“Il-Gvern ma jistax jgħaddi liġi sussidjarja li tmur kontra liġi primarja – u l-Qorti kemm-il darba saħqet fuq din il-kontradizzjoni fejn annullat liġi sussidjarji” – kliem id-Dekan tal-Fakulta’ tal-Liġi fl-Universita’ ta’ Malta Kevin Aquilina, fir-rigward tal-Avviż Legali dwar leave għall-prokreazzjoni b’assistenza medika.
Skont l-artiklu miktub mill-Professur Kevin Aquilina, il-mozzjoni li tressqet mid-Deputati Nazzjonalisti David Agius u Stephen Spiteri wriet kunflitt fil-liġiijiet – hekk kif fuq naħa waħda hemm l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni li jillimita l-proċess tal-IVF għall-koppji eterosesswali miżżewġa jew jgħixu flimkien, filwaqt li l-liġi li tinsab fil-liġi dwar ix-xogħol tagħti definizzjoni aktar wiesa għaliex tintitola lill-impjegati omosesswali biex jieħdu leave mix-xogħol sa 100 siegħa għall-proċeduri tal-IVF barra minn Malta.
B’hekk id-Dekan qajjem żewġ punti kunfliġġenti fl-artiklu tiegħu fuq The Malta Independent: dik li għandek kunflitt bejn liġi primarja u liġi sussidjarja, u l-fatt li il-liġi sussidjarja saret taħt il-liġi dwar ix-xogħol, li m’għandhiex x’taqsam mal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.
Id-Dekan tal-Fakulta’ tal-Liġi qal li Ministru hu d-delegat il-poter li jagħmel liġijiet mill-Parlament, u l-Ministru ma jistax juża dawn il-poteri biex jaqbeż lill-istess Parlament. Inkella tkun qed tkisser is-sistema’ legali ta’ pajjiżna, fejn il-Parlament biss għandu l-funzjoni li jagħmel liġijiet, u hu biss jista’ jiddelega din il-funzjoni li jagħmel liġijiet lill-Ministri. Il-Professur Kevin Aquilina qal li l-unika mod kif il-Ministru jista’ biss imur kontra liġi primarja hu billi jingħata permess mill-istess liġi.
Tenna li l-Gvern jista’ jargumenta li l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni jagħmel diskriminazzjoni kontra koppji omosesswali, iżda jekk għall-finijiet tal-argument jitwarrab dan il-punt – qatt ma jista’ jiġi ġġustifikat il-proċess ta’ kif Ministru jinjora r-rieda tal-Parlament, anke jekk il-Ministru kellu l-appoġġ tal-Kabinett.
Il-liġijiet Maltin jispeċifikaw, li liġi sussidjarja (Ordni ta’ Standard Nazzjonali dwar il-Leave ta’ Prokreazzjoni Medikament Assistita) tista’ ssir direttament mill-Ministru – filwaqt li l-liġi primarja (l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni) trid tgħaddi b’vot mill-Parlament Malti.
//= $special ?>