Lokali

Pollakk jitlef ħajtu wara li sab ruħu f’diffikultà waqt għawma f’Għajn Tuffieħa

Pollakk ta' 32 sena jitlef ħajtu wara li sab ruħu f'diffikultà waqt li kien qed jgħum fil-Bajja ta' Għajn Tuffieħa

Raġel imut wara li ttella’ mill-baħar mitluf minn sensih.

Għall-ħabta ta’ nofsinhar u għoxrin, ġie rrapurtat li persuna kienet f’diffikultà waqt li kienet qiegħed jgħum fil-Bajja ta’ Għajn Tuffieħa. Ir-raġel intlemaħ mitluf minn sensih f’wiċċ l-ilma. Mal-ewwel fuq il-post marru numru ta’ Pulizija u membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jagħtu l-ewwel għajnuna.

Jirriżulta, li r-raġel hu ta’ nazzjonalita’ Pollakka u għandu 32 sena, ittieħed b’ambulanza l-isptar Mater Dei u aktar tard ġie ċertifikat mejjet.

Sorsi li tkellmu ma’ NET News spjegaw li l-inċident ma jidhirx li hu relatat mal-avviżi ta’ riħ qawwi li hu mistenni llum u fil-jiem li ġejjin. Dan hekk kif id-direzzjoni tar-riħ ma jidhirx li ħakem din il-bajja partikolari. Madanakollu, sostnew li l-persuna setgħet sabet ruħha fid-diffikulta’ kawża ta’ kurrenti tal-baħar.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Caroline Farrugia Frendo u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

L-investigazjzoni tal-Pulizija għadha għaddejja.