Lokali

Provi ta’ indħil minn ministru fil-investigazzjonijiet tal-Pulizija – Carmelo Abela għandu jirriżenja

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia llejla żvela provi ta’ indħil mill-Ministru Carmelo Abela fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija u nsista li l-Ministru Carmelo Abela li kien il-Ministru tal-Intern għandu jirriżenja.

Meta tkellem fl-Aġġornament tal-lejla Adrian Delia qal li jumejn ilu Jonathan Ferris żvela li fis-sena 2016 meta kien spettur tal-pulizija kellu ndħil ministerjali fl-investigazzjonijiet. Kien hemm min ipprova jċekken dak li qal Ferris u jiġbed xi konklużjonijiet. L-Opppożizzjoni m’għaġġlitx u bdiet tistaqsi lill-ministri kollha kinux huma li ndaħħlu fl-investigazzjonijiet.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li l-ministri ċaħdu dan l-indħil iżda ftit ilu wieħed mill-portali elettroniċi ħabbar li fir-realtà Ferris qed jgħid u jikxef min hu l-ministru involut. Dan kien propju l-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela.

Jirriżulta li dan l-indħil kien fuq investigazzjoni partikolari fejn ma sarux mistoqsijiet ġenerali dwar aġir ġenerali iżda kien fuq investigazzjoni paritkolari. Jirriżulta li f’Mejju 2016 kien hemm sensiela ta’ e-mails mill-Ministru tal-Intern li bdew isaqsu lil Ferris dwar każ paritkolari. Staqsieh f’hiex wasal u x’qed jġri fil-każ. Jirriżutla wkoll li fl-istess xahar fil-korrispondenza beda jiġi kkuppjat u jara l-mistoqsijiet il-ministru nnifsu. Bdew isaqsuh u Ferris dejjem wieġeb li d-data protection qiegħda hemm għal kulħadd, li l-liġi tapplika għal kulħadd u li l-informazzjoni mitluba ma setax itiha.

Adrian Delia qal li qed jirriżulta bħala fatt li hawn persuna fil-pajjiż li sa ftit ġranet ilu kien qed jgħid li kien mhedded u fil-periklu għal ħajtu. Jirriżulta li hemm provi u evidenza ċara li kien hemm indħil dirett mill-Ministru tal-Intern li taħtu jaqgħu l-Pulizija li lil Ferris ġiegħlu ma jistax jagħmel xogħlu. Ferris ma setax ikompli bi dmiru biex jipproteġi lill-Maltin.

Hu semma s-saltna tad-dritt u qal li s-soċjetà ċivili tkellmet ukoll bili pprotestat. Il-Gvern ma jistax jindaħal lill-Pulizija u ma jistax iwaqqaf lill-Pulizija milli tagħmel xogħlha. Jekk jindaħal il-Gvern, ikun ifisser li l-pajjiż jinsab f’dittattorjat u stat totalitarju fejn persuna waħda tikkmanda kollox. Din mhux demokrazija għaliex Malta hi pajjiż fejn suppost teżisti s-saltna tad-dritt. Dawn issa huma provi fejn hawn Ministru tal-Gvern li qed jindaħal fl-operat tal-Pulizija.

Adrian Delia qal li hemm konsegwenza waħda bil-loġika legali fejn il-Ministru irid jagħti r-riżenja tiegħu. M’hemmx għażla jew tlaqlieq dwar dan. Fl-aħħar xhur kien hawn għajta waħda minn kulħadd; mill-Prim Imnħallef sal- ġurnalisti waqt li l-pajjiż hu taħt il-lenti tad-dinja. Il-Gvern għandu triq waħda; dik li l-Ministru Abela jirriżenja jew li r-responsabbiltà kollha taqa’ fuq il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Adrian Delia qal li dawm m’humiex allegazzjonijiet iżda huma fatti u għalhekk l-Oppożizzjoni qed titlob ir-riżenja immedjata tal-Ministru Carmelo Abela; fin-nuqqas ta’ dan ir-responsabbiltà taqa’ fuq il-Prim Ministru Joseph Muscat.