Mill-ġdid it-tensjoni fil-peniżola Koreana. Dan wara li t-Tlieta filgħaxija l-Korea ta’ Fuq sparat missila ballistika li kapaċi tolqot il-bliet ewlenin kollha Amerikani.
Dan jirriżulta kemm minn dak li stqarr il-mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, imma anki minn uffiċjali Amerikani li qalu li skont il-kalkoli, din ix-xorta ta’ missila, li tista’ ġġorr arma nukleari, tista’ tolqot it-territorju kollu Amerikan.
Ix-xandir nazzjonali ta’ Pyongyang hekk kif ta l-aħbar qal li issa l-Korea ta’ Fuq kienet saret Stat nukleari. Il-missila, tat-tip Hwasong-15 kienet deskritta bħala l-aktar b’saħħitha s’issa.
Il-missila niżlet f’ibħra Ġappuniżi u dan għal darb’oħra qanqal rabja kbira fil-Ġappun, apparti l-biża’.
Il-missila taret aktar fil-għoli minn kwalunkwe missila oħra qatt sparata bi prova mill-Korea ta’ Fuq.
Ir-reazzjoni mill-Istati Uniti kienet waħda ta’ tħassib, għalkemm dan l-iżvilupp kien ilu mistenni. James Mattis, is-Segretarju tad-Difiża Amerikan, qal li kien minnu li din il-missila vvjaġġat aktar minn dawk li kienu sparati s’issa u kienet ta’ theddida għall-Istati Uniti kollha. Il-President Amerikan Donald Trump fl-ewwel reazzjoni tiegħu qal li l-Istati Uniti kienet se tieħu ħsieb is-sitwazzjoni, mingħajr ma daħal fid-dettall.
Rabja anki fin-Nazzjonijiet Uniti hekk kif Antonio Guterres, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, qal li dan il-ksur tas-sanzjonijiet mill-Korea ta’ Fuq kien wera stmerrija totali għar-rieda tal-komunità internazzjonali. Iċ-Ċina, l-uniku veru alleat tal-Korea ta’ Fuq, ukoll ikkundannat l-isparar tal-missila imma ħeġġet lil kulħadd biex iżomm pass lura, filwaqt li r-Russja qalet li l-isparar tal-missila mill-Korea ta’ Fuq kien att ta’ provokazzjoni.
Tħassib wara sparar ta’ missila minn Pyongyang


