Hekk kif għada se tasal id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew biex tinvestiga u tiltaqa’ mal-ogħla awtoritajiet Maltin – is-sid tal-kumpanija involuta fl-iskandlu tal-Panama Papers, Nexia BT, Brian Tonna rrifjuta li jiltaqa’ magħhom, u minflok qal li lest li jirrispondi għad-domandi bil-miktub biss.
Fl-istess waqt, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri s’issa għadu ma tax ir-risposta tiegħu jekk aċċettax li jiltaqa’ mad-delegazzjoni Ewropea.
Rappreżentanti taż Nexia BT intalbu biex jattendu għal-laqgħa mad-delegazzjoni ta’ disa’ Membri Ewroparlamentari hekk kif hi l-kumpanija li waqqfet il-kumpaniji tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri fil-Panama. Flimkien ma’ Nexia BT saret ukoll stedina għall-bank Pilatus biex jattendi laqgħa – madanakollu s’issa r-risposta tagħhom għadha mhux magħrufa.
F’dawn il-jumejn li d-delegazzjoni Ewropea mistennija li tkun f’pajjiżna, se tiltaqa’ ma numru ta’ ġurnalisti u entitajiet involuti direttament fl-investigazzjoni tas-saltna tad-dritt f’Malta u l-iskandlu tal-Panama Papers.
Rigward din iż-żjara tad-delegazzjoni Ewropea, iċ-Chairman tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber bagħat ittra lill-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani fejn enfasizza dwar l-importanza li d-delegazzjoni ta’ MEPs jingħataw protezzjoni xierqa.
Manfred Weber qal li n-numru ta’ membri tal-Parlament Ewropew ġew mhedda b’ħajjithom waqt li kienu qegħdin jiġġieldu favur Malta, biex jissalvagwardjaw is-saltna tad-dritt f’pajjiżna.
Fl-ittra, il-President tal-PPE stqarr li fil-15 ta’ Novembru li għadda, għaddiet reżoluzzjoni li tagħmilha ċara li l-aħħar żviluppi minn Malta fl-aħħar snin wasslu għal tħassib dwar id-demokrazija, id-drittijiet fundamentali, u s-saltna tad-dritt.
//= $special ?>