It-tim tas-Sauber iffirma kuntratt tekniku u kummerċjali ma’ Alfa Romeo, biex b’hekk il-kumpanija Taljana se tirritorna fil-Formula 1 wara assenza ta’ aktar minn 30 sena. Dan il-ftehim se jara lit-tim Żvizzeru jibdel ismu għal Alfa Romeo Sauber mis-sena d-dieħla, bil-karozza se jkollha l-logo tal-Alfa Romeo u b’magni Ferrari.
“Dan il-ftehim mat-tim tal-Formula 1 Sauber hu pass sinifikanti fit-tibdil ta’ marka tal-Alfa Romeo, li se jirritornaw fil-Formula 1 wara assenza ta’ aktar minn 30 sena,” qal iċ-chairman tal-Ferrari Sergio Marchionne, li hu wkoll Kap Eżekuttiv tal-Fiat.
Iċ-chairman ta’ Sauber Holding Pascal Picci qal li jinsabu kuntenti ħafna li jilqgħu lil Alfa Romeo fit-tim tas-Sauber. Hu kompla jgħid li Alfa Romeo għandhom storja twila ta’ suċċess u saħaq li jinsabu kburin li kumpanija importanti għażlet li taħdem magħhom biex tirritorna fl-ogħla kompetizzjoni tal-motorsport.
Alfa Romeo kienu b’saħħithom meta l-Formula 1 bdiet fl-1950, bit-tim Taljan jikseb l-ewwel tliet postijiet fl-ewwel tiġrija li saret f’Silverstone, qabel ma kisbu żewġ kampjonati tad-dinja permezz ta’ Nino Farina u Juan Manuel Fangio. It-tim li hu bbażat f’Milan serva imbagħad biex jagħti l-magni lil diversi timijiet bejn l-1961 u l-1979 qabel ma rritorna b’tim bejn l-1979 u l-1985.
Sauber għadhom ma żvelawx min se jsuq magħhom fl-2018, iżda wara li saħħew ir-relazzjonijiet tagħhom mal-Ferrari, iż-żgħażagħ tat-tim Charles Leclerc u Antonio Giovinazzi jidher li huma l-favoriti.
//= $special ?>