Lokali Transport

12-il punt għas-sewqan; ħsiebek hemm

Minn għada se tibda s-sistema tal-penali fuq il-liċenzja tas-sewqan li se tapplika għal kulħadd

Is-sistema tal-penali tal-punti fuq il-liċenzja tas-sewqan se tibda tapplika għal kulħadd u mhux biss għas-sewwieqa l-ġodda mill-Ġimgħa. Is-sewwieq se jkollu 12-il punt f’sena li jistgħu jakkumulaw fuq diversi kontravenzjonijiet tat-traffiku, jekk jilħaq il-punti kollha jitlef il-liċenzja għal xahrejn. Dawn jitwalu jekk jakkumula 12-il-punt ieħor f’sena. Kull sena, kwalunkwe punti li jingħataw lix-xufier, jitneħħew fit-12-il xahar wara.

Huma 29 il-kontravenzjonijiet li jġorru magħhom tnaqqis ta’ punti fuq il-liċenzja tas-sewqan.

Mhux il-kontravenzjonijiet kollha ser jiġu ppenalizzati bil-punti. Fost dawk li se jiġu ppenalizzati hemm l-użu minn brejkijiet, tyres jew steering-wheel difettużi, jistgħu jitnaqqsulu żewġ punti. In-nuqqas ta’ ċinturin tas-sigurtà hemm ċans li teħel 3 punti. Min jibqa’ għaddej fuq it-traffic lights meta jkunu ħomor jew jibqa’ ħiereġ minn fuq stop, jitnaqqsulu bejn 3 u 5 punti.

Min jinqabad juża l-mowbajl jew jilbes l-earphones waqt is-sewqan jitnaqqsulu bejn 3 u 6 punti. Min juża vettura bla assikurazzjoni jitnaqqsulu sa massimu ta’ 8 punti.

Sewqan bi traskuraġni, jew taħt l-influwenza ta’ alkoħol jew droga, jitnaqqsulu sa massimu ta’ 11-il punt. Meta b’sewqan traskurat jiġi kkawżat mewt jitnaqqsu sa 12-il punt f’daqqa.

Għal dawk li bdew jinkwetaw xi ftit dwar il-parkeġġ ħażin dan mhux se jkun meqjus bħala kontravenzjoni li twassal għal telf ta’ punti, madanakollu l-appell huwa biex wieħed joqgħod attent fejn iħalli l-vettura tiegħu.

Il-prinċipju tas-sistema l-ġdida huwa li tippenalizza sewwieq ta’ vettura li bis-sewqan tiegħu, ipoġġi ħajjet ħaddieħor fil-periklu. Dan, minbarra ċitazzjoni, li hija piena minnha nnifisha, ser jitnaqqsulu l-punti li jistgħu jwasslu biex jitlef il-liċenzja tas-sewqan.

Is-sistema se tkun hekk: Meta sewwieq jilħaq it-12-il punt f’sena, jitlef il-liċenzja għal xahrejn. F’każ li dik l-istess persuna terġa’ tilħaq it-12-il punt fi żmien tliet snin, il-liċenzja titteħdilha għal sentejn. Meta x-xuffier jitlef il-liċenzja darbtejn, ikollu jerġa’ japplika għal-liċenzja u jagħmel l-eżami tas-sewqan mill-ġdid.

Transport Malta infurmat li dawk li jilħqu d-9 punti u allura jkunu viċin it-12-il punt, se jkunu infurmati permezz ta’ ittra.

Għal aktar informazzjoni l-awtoritajiet niedu sit ġdid; www.sewqanresponsabbli.gov.mt fejn wieħed jista’ jsib l-informazzjoni kollha relatata biex jiżdied aktar għarfien dwar sewqan responsabbli.