Lokali

AĠĠORNATA: Jibdew il-laqgħat tal-Kumitat LIBE dwar is-Saltna tad-Dritt f’Malta

11.30am: Laqgħa wkoll mal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar fil-Kwartieri Ġenerali tal-Korp

Illum f’pajjiżna bdew il-laqgħat tal-Kumitat LIBE, tal-Parlament Ewopew, ippjanati fuq jumejn u li qed jitrattaw l-istat tas-Saltna tad-Dritt f’Malta.

Il-Kumitat hu magħmul minn rappreżentanti tal-gruppi politiċi kollha fil-Parlament Ewropew u hu mmexxi minn Ana Gomes, li hi MEP tal-Partit tas-Soċjalisti, li fih hu membru wkoll il-Partit Laburista Malti.

L-ewwel li ħarġu mil-laqgħa f’Dar l-Ewropa kienu d-Direttur tal-FIAU Kenneth Farrugia u numru ta’ Uffiċjali tal-Aġenzija, li mistoqsija mill-ġurnalisti baqgħu siekta għax qalu li huma marbuta milli jikkummentaw mal-media.

Dan wara li kienu r-rapporti tal-FIAU li wasslu biex il-Parlament isegwi s-sitwazzjoni f’pajjiżna.

Aktar tard, ħareġ ukoll minn Dar l-Ewropa l-Avukat Ġenerali Peter Grech, li mal-ġurnalisti qal li ma kellu l-ebda problema jiltaqa’ mal-Membri Parlamentari Ewropej li jiffurmaw dan il-Kumitat.

Hu spjegalhom li fil-ħidma tiegħu, għamel id-doveri tiegħu kif dejjem għamel tul il-karriera. Madankollu, ma weġibx għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar għaliex qatt ma investiga r-rapporti li oriġinaw mill-FIAU, għalkemm din kienet parti mix-xogħol tiegħu.

L-Avukat Ġenerali ħarab milli jwieġeb ukoll jekk hux se jilqa’ t-talbiet li qed jagħmillu n-Network tas-Soċjetà Ċivili biex jirriżenja.

Fi tmiem dawn il-laqgħat, il-membri tal-Kumitat LIBE telqu minn Dar l-Ewropa lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, fejn kellhom skedata laqgħa mal-Kummissarju Lawrence Cutajar.

Kien innutat li minn Dar l-Ewropa, l-MEPs membri fil-Kumitat LIBE kellhom kaxxa mimlija dokumenti.

Qabel il-wasla tal-Membri Parlamentari Ewropej, il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani talab lill-awtoritajiet Maltin jassiguraw li se jkun hemm is-sigurtà meħtieġa madwar l-MEPs li qed jiffurmaw dan il-Kumitat.

Jonathan Ferris jinsisti li mhux jingħata protezzjoni
Jekk suppost ingħata l-protezzjoni, la qed jaraha u lanqas iħossha. Hekk iddikjara Jonathan Ferris, l-eks Spettur u eks Uffiċjal tal-Aġenzija Kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU), wara d-dikjarazzjoni mill-Gvern li diġà ttieħdet azzjoni għall-protezzjoni tiegħu.

Akkumpanjat mill-Avukat Jason Azzopardi, Jonathan Ferris irrefera għad-dikjarazzjonijiet li l-Ministru Carmelo Abela għamel ilbieraħ fil-Parlament. Qal li l-Ministru qed jipprova jqajjem dwar il-kredibbiltà tiegħu u ladarba jkunu pubbliċi l-korrispondenza u d-dokumenti li għandhom joħorġu, il-poplu se jkun jista’ jara min qed jigdeb.

Sadanittant, kelliem għal NGO qal lill-Ġurnalisti preżenti li l-MEPs tal-Kumitat LIBE li jinsab f’Malta huma infurmati sew dwar x’qed jiġri f’pajjiżna, tant li l-mistoqsijiet li għamlu lill-Ġurnalisti kienu jvarjaw fuq ħafna suġġetti.