Iċ-champions tal-Waterpolo lokali San Ġiljan Tum Invest ħabbru l-akkwist tal-Kroat ta’ 31 sena Paulo Obradovic bħala l-barrani tagħhom għall-istaġun li ġej. Obradovic li hu twil 1.90m, għandu xutt b’saħħtu bil-lemin u għandu kwalitajiet ta’ leader fl-ilma anki għal fatt li kapaċi jilgħab f’diversi pożizzjonijiet.
Obradovic bħalissa qed jilgħab ma’ Olympiacos fil-Greċja u rebaħ diversi unuri fil-karriera tiegħu, fosthom il-midalja tad-deheb fl-Olimpjadi tal-Londra ħames snin ilu. Hu rebaħ ukoll il-fidda fil-Kampjonati tad-Dinja f’Każan sentejn ilu, kif ukoll tliet darbiet il-bronz fl-edizzjonijiet tal-2009, l-2011 u l-2013 li kienu saru Roma, Shanghai u Barcelona rispettivament.
Il-Kroat rebaħ ukoll il-Kampjonati Ewropew tal-2010 li kienu saru f’Zagreb kif ukoll il-Logħob tal-Mediterran f’Mersin erba’ snin ilu. Hu kellu problema fl-irkoppa fil-Kampjonati tad-Dinja fl-2015, l-istess problema li biha tilef il-Kampjonati Ewropej tas-sena l-oħra f’Belgrad.
F’kuntatt li dan is-sit għamel mal-President ta’ San Ġiljan, Daniel Aquilina qal li Obradovic “hu plejer b’saħħtu, leader fl-ilma u b’esperjenza kbira. San Ġiljan huma kuntenti ħafna li Paulo se jilgħab magħna biex jgħina nissieltu biex inżommu t-titlu ta’ champions u niksbu aktar suċċess.”
//= $special ?>