Ewropa Lokali Qtil Politiku Unjoni Ewropea

Il-Grupp tal-PPE: L-MEPs li jinsabu Malta għandhom jiġu protetti

Iċ-Chairman tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber bagħat ittra lill-President tal-Parlament Ewropew li fiha talab li l-MEPs li ġew Malta bħala parti minn delegazzjoni biex jinvestigaw is-saltna tad-dritt f’pajjiżna, jingħataw il-protezzjoni neċessarja. Dan fid-dawl tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u t-theddid li rċevew MEPs fl-aħħar jiem, fosthom l-MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola. Fl-ittra tiegħu, Weber qal li l-Parlament Ewropew mhux qed jieħu dan it-theddid biċ-ċajt u għalhekk qed jinsisti li l-awtoritajiet Maltin jagħmlu xogħlhom u jagħtu l-aqwa protezzjoni lill-MEPs li se jkunu qed iwettqu dmirhom.

Fl-istqarrija, l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal li l-Kummissjoni Ewropea mhix taġixxi, u dan minkejja li hu ovju li d-demokrazija f’Malta qed tidgħajjef. David Casa sostna li għalhekk issa se jkun il-Parlament Ewropew li jispjega s-sitwazzjoni allarmanti tas-saltna tad-dritt f’Malta.

Ġimgħatejn ilu, l-Parlament Ewropew approva b’qawwa kbira riżoluzzjoni li tinsisti li l-Kummissjoni Ewropea taġixxi dwar Malta. Issa, bħala pass ieħor li qed jieħu l-Parlament Ewropew, din il-ġimgħa, f’Malta hawn delegazzjoni apposta mill-Parlament Ewropew – magħmula minn MEPs membri fil-Kumitati dwar il-Panama Papers u dwar il-ġustizzja u l-intern – biex tinvestiga s-saltna tad-dritt f’Malta. David Casa qal li din id-delegazzjoni se tkun qed tagħmel mistoqsija waħda u ċara lill-Prim Ministru Joseph Muscat: Kif jista’ jkun li tiġi assigurata investigazzjoni indipendenti dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia f’pajjiż li għandu l-ogħla politiċi tiegħu nvoluti fil-korruzzjoni u fejn l-istituzzjonijiet huma mmexxija politikament?