Internazzjonali

Il-Libja: Miżuri ta’ emerġenza għall-immigranti vulnerabbli

 

 

Intlaħaq ftehim dwar pjan urġenti għall-evakwazzjoni ta’ immigranti li qed jiffaċċjaw l-abbużi fil-kampijiet għad-detenzjoni fil-Libja. Il-missjoni ‘ta’ urġenza kbira’ għandha l-appoġġ ta’ disa’ pajjiżi, fosthom il-Libja, Franza, il-Ġermanja, iċ-Chad u n-Niġer.

Il-ftehim tfassal waqt is-summit tal-Unjoni Afrikana u l-Unjoni Ewropea organizzat f’Abidjan, fil-Kosta tal-Ivorju, u meta l-Gvern tal-Libja appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti ssieħeb fl-istess patt. Iżda l-Gvern Libjan għandu biss kontroll limitat fuq it-territorju tal-kampijiet u fadal id-domandi dwar kif il-ftehim għandu jaħdem fil-prattika.

Intant, l-immigranti vulnerabbli fil-Libja, fil-parti kbira, se jintbagħtu lura lejn pajjiżhom ta’oriġini f’miżura li segwiet iċ-ċirkolazzjoni ta’ filmati tal-bejgħ, waqt irkanti fil-Libja, ta’ immigranti mill-pajjiżi Afrikani taħt is-Sahara bil-għan li jintużaw bħala skjavi.

Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, fisser l-irkanti tal-bnedmin bħala reat kontra l-umanità, meta mijiet ta’ eluf ta’ immigranti qasmu mis-Sahara u l-Baħar Mediterran fil-għan iddisprat li jaslu l-Ewropa. Eluf mietu waqt il-vjaġġi u dawk li jaslu l-Libja qed jispiċċaw mingħajr riżorsi u vulnerabbli ‘għan-negozjanti tal-iskjavi’.

Il-Libja bdiet investigazzjoni formali dwar ‘il-bejgħ ta’ immigranti’, waqt li immigranti fiċ-ċentri tad-detenzjoni (fil-Libja) fissru dawn iċ-ċentri bħala ‘infern’. In-Niġerja diġà ħadet inizjattiva biex tirripatrija lil xi immigranti, b’240 jirritornaw bl-ajruplan jiem ilu.

Il-Libja rrepetiet l-impenn ‘biex tidentifika l-kampijiet fejn ix-xeni barbari ( tal-iskjavtu) kienu identifikati’. Dan waqt li l-Prim Ministu Libjan Fayez Sarraj qabel biex jagħti lill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni (IOM) aċċess għall-kampijiet fejn l-immigranti jingħataw iċ-ċans biex ikunu evakwati fil-jiem u ġimgħat li ġejjin.

Il-President Macron qal li din il-ħidma se titwettaq b’koordinazzjoni mal-Istati minfejn telqu l-immigranti, u li n-nies fil-kategorija ‘high risk’ jistgħu jingħataw kenn fl-Ewropa.