Internazzjonali

Ir-reġim fil-Korea ta’ Fuq ‘għandu jinqered totalment’ f’każ ta’ gwerra

‘L-Istati Uniti mhix tfittex il-konflitt, iżda r-reġim tal-Korea ta’ Fuq għandu jinqered totalment f’każ li tfaqqa’ gwerra.’ Dan qalitu Nikki Haley, l-Ambaxxatur tal-Istati Uniti għan-Nazzjonijiet Uniti, meta żdied l-inkwiet u l-għadab qalb il-komunità internazzjonali għall-aħħar prova ta’ missila ballistika mill-Koreani komunisti.

L-Istati Uniti, intant, ħeġġet lin-nazzjonijiet kollha biex jaqtgħu kull irbit diplomatiku u kummerċjali mal-Korea ta’ Fuq, b’Nikki Haley, waqt diskors lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, issostni li l-Presidenza Amerikana talbet lit-Tmexxija taċ-Ċina biex ma tipprovdix aktar provvisti taż-żejt lil Pyongyang.

It-tensjoni fil-peniżola Koreana mill-ġdid tinsab f’livell akut wara li r-reġim tal-Korea ta’ Fuq ittestja l-ewwel missila f’xahrejn, waqt l-aħħar azzjoni minn sensiela ta’ provi tipiċi. Il-Korea ta’ Fuq, intant, qalet li l-missila sparata nhar l-Erbgħa ‘irrappreżentant żblokk impekkabbli’ fl-isforzi ta’ Pyongyang biex iżid il-kapaċità militari.

Sadanittant, il-prova kienet ikkundannata bla riservi mill-komunità internazzjonali, bil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU isejjaħ laqgħa ta’ emerġenza biex jiddiskuti l-iżviluppi. Intant, l-Ambaxxatur Nikki Haley wissiet li l-azzjonijiet ta’ aggressjoni kontinwa mir-reġim fi Pyongyang qegħdin iservu biss biex jiddistabbilizzaw il-peniżola Koreana u lir-reġjun kollu.

Madankollu kien hemm ukoll reazzjoni diversa, bil-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, jakkuża lill-Istati Uniti b’li qed tipprova tipprovoka lill-Korea ta’ Fuq ‘bil-għan li Pyongyang jistimola l-programm għall-missili nukleari’. Lavrov anki ċaħad għas-sejħa biex pajjiżu jirtira r-relazzjonijiet mal-Korea ta’ Fuq, meta Moska tinsisti li ‘jinħtieġu negozjati ( ma’ Pyongyang) għaliex is-sanzjonijiet ma jaħdmux’.

Meta kien qed jitkellem fil-Belarus, Sergei Lavrov staqsa ‘jekk l-Istati Uniti hix taħdem b’mod attiv biex teqred lill-Korea ta’ Fuq’. Hu saħaq li ‘wieħed jieħu l-impressjoni li kollox, s’issa, inħadem fuq pjan bil-għan li l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, jitlef rasu u jwettaq aktar azzjonijiet li aħna ma rridux naraw’.

Dan meta r-Russja qed tesiġi biex l-Istati Uniti ‘tispjega tassew x’għandha f’moħħha’, b’Lavrov ‘jistieden lit-Tmexxija Suprema ta’ Washington biex tikkonferma jekk tassew għandhiex il-ħsieb biex teqred lill-Korea ta’ Fuq’.

Ir-Russja, wara ċ-Ċina, hi fost il-ftit Stati b’ relazzjonijiet tajbin mal-Korea komunista u meta Moska u Beijing għandhom id-dritt għall-veto fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.