Lokali

Jonathan Ferris għadu mingħajr protezzjoni

Ftit tal-ħin biss wara li l-Oppożizzjoni talbet li l-eks spettur tal-Pulizija li tkeċċa mill-FIAU Jonathan Ferris u familtu jingħataw protezzjoni, il-Gvern ħareġ stqarrija fejn qal li bdew jittieħdu l-ewwel passi biex dan iseħħ.

Iżda l-istqarrija tal-Gvern immedjatament ġiet miċħuda minn Ferris stess, hekk kif ħareġ minn laqgħa mal-Membri Parlamentari Ewropej li jiffurmaw il-Kumitat LIBE u jinsabu f’Malta biex jinvestigaw is-saltna tad-dritt f’pajjiżna.

Miegħu, Ferris ma kellu l-ebda protezzjoni u kien akkumpanjat biss mill-avukat tiegħu, Jason Azzopardi.

Ferris tkellem ukoll dwar iċ-ċaħda tal-Ministru Carmelo Abela, li fil-leġiżlatura li għaddiet kien responsabbli mill-Intern u li qed ikun akkużat li ndaħal fix-xogħol tiegħu investigattiv.

Mistoqsi jekk għalhekk hux qed jgħid li l-Ministru Carmelo Abela gideb, Ferris mill-ġdid qal li ladarba l-awtoritajiet jiftħulu libell, u allura fil-Qorti jkun jista’ jippreżenta d-dokumenti, il-poplu jkun jaf min qed jigdeb.

Lejliet dawn id-dikjarazzjonijiet, Ferris iddeskriva l-atteġjament li rċieva bħala wieħed ta’ pressjoni u indħil. Aġir li skont Ferris kien ifisser ksur ċar ta’ liġi.