Internazzjonali

L-Indoneżja: Eluf jirrifjutaw l-evakwazzjoni minkejja l-periklu ta’ vulkan

Għexieren ta’ eluf ta’ residenti tal-villaġġi fuq il-gżira ta’ Bali rrifjutaw li jevakwaw minn zona ta’ periklu ta’ għaxar kilometri madwar vulkan attiv. Dan meta huma jinsabu determinati li jipproteġu djarhom u l-merħliet li qed irabbu, filwaqt li jafdaw fid-destin.

Il-Muntanja Agung – il-vulkan inkwistjoni – ilha tarmi dħaħen u ġmied minn tmiem il-ġimgħa u, b’konsegwenza, irriżultaw ukoll it-theżżiż kontinwi flimkien ma’ widien tat-tajn.

L-iskwadri għall-emerġenza li qegħdin imorru kuljum ‘fiz-zona l-ħamra’ qalu li wħud mir-residenti qed jirrifjutaw akkost ta’ kollox li jitilqu għal diversi raġunijiet – inklużi għal ‘raġunijiet spiritwali’.

Dan minkejja li l-Gvern tal-Indoneżja ħareġ direttivi ċari biex in-nies iwieġbu għall-ordni tal-evakwazzjoni minħabba l-periklu mill-vulkan. Intant, il-membri tal-iskwadri għas-search and rescue ammettew li huma ma jistgħux jisfurzaw ‘fiżikament’ lir-residenti tal-villaġġi biex jitilqu, iżda qegħdin jagħmlu li jistgħu biex jikkonvinċuhom.

Il-Gvern waqqaf stazzjonijiet tar-radju u chat groups fuq il-media soċjali bil-għan li n-nies ikunu konxji dwar it-theddida għal ħajjithom, iżda sal-bieraħ kien qed jidher li ħafna residenti, minkejja l-periklu, iddeċidew li jibqgħu fiz-zona għall-esklużjoni fil-madwar tal-vulkan.

Esperti dwar il-vulkani qalu li jekk il-Muntanja Agung tkompli b’din l-attività, l-iżbroffi għandhom isiru aktar fredkwenti, għalkemm ħadd ma jaf b’liema rata u fuq liema livell.

Sadanittant, il-President Indoneżjan, Joko Widodo, kompla jħeġġeġ lin-nies biex jitilqu miz-zona tal-esklużjoni fl-inħawi tal-vulkan ‘qabel ikun tard wisq’.