Il-Papa Franġisku wasal f’Bangladesh minn Myanmar, b’din iż-żjara qed tkun iddominata bl-issue tar-refuġjati tal-komunità Rohingya li ħarbu għal dan il-pajjiż minn Myanmar. Fil-fatt, il-Papa rringrazzja lill-awtoritajiet lokali għall-mod uman kif huma wieġbu għall-kriżi tar-refuġjati – għalkemm mill-ġdid naqas li juża l-kelma ‘Rohingya’.
Il-Kap tal-Kattoliċi, li sigħat qabel kien temm żjara fi Myanmar, niżel fl-ajruport ta’ Dhaka u issa mistenni jkompli jħeġġeġ rispett għad-drittijiet umani. Dan taħt id-dell tal-kriżi tar-Rohingya li ilhom ix-xhur isofru l-persekuzzjoni fl-artijiet ta’ Myanmar.
Fil-fatt, il-Papa kien ikkritikat minn xi gruppi favur id-drittijiet tal-bniedem talli ma rreferiex direttament għar-Rohingya waqt iż-żjara fi Myanmar. Kemm idum Bangladesh, il-Kap tal-Kattoliċi se jkun segwit għal jekk hu, f’xi ħin, jasalx biex juża t-terminu ‘Rohingya’ waqt xi diskors dwar din il-komunità magħmulha minn Musulmani etniċi.
Il-Vatikan iddefenda l-fatt li l-Papa ma użax il-kelma Rohingya fi Myanmar u meta hu minnu li l-Papa kien ġie mwissi mir-rappreżentanti Kattoliċi ( fi Myanmar) biex iżomm lura minn din il-kelma ħalli ma jurtax lill-maġġoranza Buddista fil-pajjiż partikulari.
Waqt li mijiet ta’ eluf ta’ Rohingya ħarbu minn Myanmar lejn Bangladesh, in-Nazzjonijiet Uniti qed tfisser il-persekuzzjoni tagħhom bħala ‘eżempju ta’ tindif etniku’.
Intant, il-Papa Franġisku qed jiffaċċa issues oħra li jinkludu ż-żieda fl-attakki minn radikali Iżlamiċi fuq in-numri żgħar ta’ Kristjani u l-gruppi ta’ minoranza oħrajn f’Bangladesh. Hu, intant, esprima għadab dwar dan fl-ewwel okkażjoni li kellu waqt din iż-żjara.
Mal-wasla tiegħu, f’Bangladesh, il-Papa żar lit-Tifkira Nazzjonali għall-Martri f’Savar, fil-limiti ta’ Dhaka, qabel kellu laqgħa mal-President ta’ Bangladesh, Abdul Hamid, fil-Palazz Presidenzjali fil-kapitali.
Meta tkellem wara l-laqgħa, il-Papa faħħar l-impenn umanitarju kbir tal-poplu ta’ Bangladesh biex tittaffa t-tbatija ‘tal-influss tar-refuġjati minn Myanmar’. Hu żied li ‘kulħadd hu konxju dwar il-gravità tas-sitwazzjoni u ta’ dak li għaddejjin minnu dawn in-nies – inklużi nisa u tfal – li jinsabu ffullati fil-kampijiet għar-refuġjati’.
Għada il-Papa mistenni jiltaqa’ ma’ grupp ta’ refuġjati tar-Rohingya fil-pajjiż, filwaqt li jissieħeb f’taħditiet mal-Prim Ministru ta’ Bangladesh, Sheikh Hasina.
//= $special ?>

