F’Awwissu li għadda, iċ-Chairman tal-Enemalta kiteb lill-Gvern u lill-Electrogas dwar ħsarat u nuqqasijiet – kemm fil-kostruzzjoni u anke fl-operat tal-Power Station il-ġdida, dan minkejja li ġiet tiswa’ lill-poplu Malti mal-€450 miljun ewro biex saret.
Dawl intefa’ fuq din il-ħsara jew nuqqas, hekk kif fi 15-il siegħa, kemm hemm tliet inċidenti fil-Power Station tal-gass.
Iċ-Chairman tal-Enemalta Fredrick Azzopardi qal li madanakollu, s’issa ma jafux jekk dawn in-nuqqasijiet u ħsara hux qegħdin hemm minħabba inkompetenza mill-Electrogas, jew inkella hemm ħsara aktar fundamentali fil-binja tal-Power Station. Fl-istess ittra, jidher li Fredrick Azzopardi saħaq li ma jafx jekk il-Power Station ta’ Delimara tistax tagħti garanzija ta’ sigurta’ għall-pajjiż li tipprovdi l-enerġija.
Il-ġurnalist ta’ Net News Robert Cremona għamel kuntatt maċ-Chairman tal-Enemealta Fredrick Azzopardi fejn staqsa dwar:
- X’inhuma d-difetti fil-binja tal-Power Station tal-gass?
- Veru li infurmajt lill-Ministeru v’dan kollu f’Awwissu li għadda?
- Hu veru li l-impjant tal-gass mhux se jiggarantixxi s-supply tal-enerġija li għandu bżonn il-pajjiż?
- Nitolbok tispeċifikali x’tip ta’ ħsarat hemm fl-impjant il-ġdid.
- X’inhi l-evidenza ta’ dan kollu li qed tgħid li għandek f’idejk? U allura, x’sar minn Awwissu sa issa?
- Għaliex ma għamiltu l-ebda stqarrija uffiċjali? X’kien ir-raġuni lidawn in-nuqqasijiet fl-impjant tal-Electrogas inżammu mistura?
- X’passi ħadtu kontra l-Electrogas?
Iżda sfortunatament ir-risposti li rċevejna ma kellhom xejn x’jaqsmu ma’ dak li ġie mistoqsi, fejn fost l-oħrajn irrispondew dwar it-taħlita diversifikata tal-elettriku u stqarr li d-diffikultajiet tekniċi f’kull sistema tal-ġenerazzjoni jew disturbazzjoni tal-elettriku huma inevitabbli. Dan filwaqt li qal li m’hijiex prassi tal-Enemalta li meta xi impjant jew l-Interconnector ma jkunux disponibbl tinforma lill-klijenti tagħha.
Din il-ħsara ġiet żvelata mill-gazzetta The Times of Malta, fejn qalu wkoll li ċ-Chairman tal-Enemalta mhux lest li jwaqqaf ħesrem il-konnessjoni tal-interconnector ma’ Sqallija biex isiru t-testijiet fuq il-Power Station il-ġdida – dan hekk kif jekk Malta tiġi tiddependi fuq il-Power Station ta’ Delimara biss dan jipperikola l-pajjiż u tieqaf il-provvista tal-enerġija.
Filfatt f’Ġunju li għadda, ġie rrappurtat ukoll li l-Enemalta kienet għadha qed tixtri l-maġġoranza l-kbira tal-elettriku mill-interconnector ma’ Sqallija – dan minkejja l-pompa l-kbira li saret dwar il-Power Station tal-gass.
Il-Gvern rabat b’kuntratt lill-Enemalta biex jixtri d-dawl mingħand il-konsorzju tal-Electorgas għall-perjodu ta’ 18-il sena.
//= $special ?>