Futbol Sport

Gowl ta’ Higuain jagħti l-ewwel telfa lil Napoli

Gonzalo Higuain jegħleb lil Pepe Reina (Ritratt: EPA)

Iċ-champions Juventus saru l-ewwel tim li rnexxielu jegħleb lil Napoli fil-kampjonat wara 15-il logħba, meta t-tim ta’ Massimiliano Allegri rebaħ 1-0. Minkejja r-rebħa tal-Bianconeri, Napoli għadhom punt vantaġġ fuq Juventus, iżda b’dan ir-riżultat, Inter jistgħu jitilqgħu waħedhom fil-quċċata jekk jirbħu għada.

Il-gowl deċiżiv ġie skorjat wara 13-il minuta meta minn kontrattakk veloċi, Paulo Dybala rnexxielu jsib l-ispazju biex iqassam lil GONZALO HIGUAIN, bl-eks attakkant ta’ Napoli jikkontrolla, javvanza u jegħleb lil Pepe Reina mill-kaxxa.

Napoli kellhom l-inizjattiva għal ħafna ħin mil-logħba, b’Juventus aktar jiddefendu milli jattakkaw. Huma kienu perikolużi f’xi okkażjonijiet iżda Buffon dejjem kien attent biex isalva. Minkejja kollox, Juventus iddefendew b’għaqal u rnexxielhom jikkontrollaw tajjeb.

F’logħba oħra li ntlagħbet illum, Roma komplew jersqu lejn il-quċċata tal-klassifika, b’rebħa tajba f’darhom ta’ 3-1 fuq Spal. Roma kellhom superjorità numerika wara disa’ minuti meta tkeċċa d-difensur Felipe, bit-tim ta’ Di Francesco jiftaħ l-iskor għaxar minuti wara permezz ta’ EDIN DZEKO.

Huma rduppjaw fit-32 minuta minn KEVIN STROOTMAN, b’LORENZO PELLEGRINI jagħmilhom tlieta fit-53 minuta. Spal naqsu d-distakk żewġ minuti wara, b’Alisson isalva l-penalty ta’ FEDERICO VIVIANI li prova jqabbeż il-ballun, iżda l-ballun reġa’ spiċċa għand l-istess plejer li skorja mill-viċin.