Internazzjonali

Il-Bangladesh: Il-Papa jiltaqa’ mar-refuġjati tar-Rohingya

 

Il-Papa Franġisku ltaqa’, f’Dhaka, ma’ grupp ta’ refuġjati Musulmani tal-komunità Rohingya li ħarbu mill-persekuzzjoni, u fejn, għall-ewwel darba, lissen il-kelma ‘Rohingya’ li kien evita li juża waqt iż-żjara ta’ jiem ilu fi Myanmar.

Hu għannaq lill-membri tal-grupp – 12 il raġel, żewġ nisa u żewġ tfajliet żgħar – waqt li sama’ l-esperjenzi tagħhom f’wirja ta’ solidarjetà pubblika. Dan fost avveniment għal devoti tad-diversi denominazzjonijiet reliġjużi fin-Nunzju Apostoliku ta’ Dhaka.

Il-Papa talab maħfra mingħand ir-refuġjati għat-tbatija li sofrew u fl-istess ħin talab skuża ‘għall-indifferenza tad-dinja’ rigward il-kriżi tar-Rohingya.Ir-refuġjati vjaġġaw lejn Dhaka mid-distrett ta’ Cox’s Bazar, mal-fruntiera ta’ Myanmar, fejn il-kampijiet tar-refuġjati huma pakkjati b’mijiet tal-eluf tar-Rohingya li ħarbu l-vjolenza fi Myanmar.

Il-Papa – f’arranġament mhux tas-soltu – kien twassal b’rickshaw għal-laqgħa ekumenika għar-reliġjonijiet organizzata fis-sede tal-Arċisqof ta’ Dhaka. Iż-żeffiena lokali tellgħu spettaklu għall-Papa waqt li kien għaddej mir-rotta u fejn hu xejjer lill-folol preżenti.

Il-Papa kellu wkoll laqgħa mal-Prim Ministru ta’ Bangladesh, Sheikh Hasina, fil-kapitali.