Internazzjonali

Il-Pakistan: Assedju minn militanti fuq kulleġġ f’Peshawar

 

Il-militar tal-Pakistan irnexxielu jikkontrolla s-sitwazzjoni fil-belt ta’ Peshawar wara li grupp ta’ militanti armati attakkaw kulleġġ, bir-riżultat li nqatlu tal-anqas għaxra – fil-parti l-kbira studenti – b’għexieren oħra jisfaw midruba.

Tal-anqas tliet militanti, li kienu lebsin il-burka, waslu fl-Istitut għal Taħriġ fl-Agrikoltura fejn daħlu fil-kumpless u fetħu n-nar bl-armi awtomatiċi, fost numru ta’ splużjonijiet. It-terroristi, maż-żmien, inqatlu kollha mill-qawwiet tas-sigurtà, bil-moviment Talibani fil-Pakistan, ’il quddiem jassumi r-responsabbiltà għall-istraġi.

L-ammont tal-vittmi seta’ kien ferm akbar, iżda l-kulleġġ inkwistjoni kien ‘magħluq’ għall-vaganza ta’ Eid-e-Milad.

’Il quddiem kien ikkonfermat li tal-anqas għaxar studenti li nzertaw fil-kampus kienu tilfu ħajjithom waqt l-attakk, bil-Pulizija u l-komandos tal-Armata  jagħlqu l-aċċessi għas-sit tal-kulleġġ.

Xi studenti li salvaw mill-attakk qalu li madwar 120 ‘fost xi 400 minn sħabhom’ kienu preżenti waqt it-terrur fil-kulleġġ u li l-oħrajn kienu marru lura d-dar għall-vaganzi.

L-istudenti inkwistjoni huma kollha residenti f’dan il-kulleġġ.